Friday, November 15, 2024

Ifeġġ każ aktarx tal-virus qattiel Ebola fi sptar tar-Renju Unit

Aqra wkoll

Il-kapijiet tas-Servizz tas-Saħħa Nazzjonali, l-NHS fir-Renju Unit, ikkonfermaw mal-ġurnal The Sun li żona tal-Isptar ta’ Colchester kellha tingħalaq minħabba l-biża’ li pazjent kien infettat bil-virus qattiel tal-Ebola.

Fil-fatt, nhar il-Ħamis li għadda filgħaxija sptar f’Essex l-Ingilterra daħħal fis-seħħ prekawzjonijiet ta’ emerġenza biex tiġi ttrattata ‘sitwazzjoni ta’ kontroll tal-infezzjonijiet’.

Sors anonimu qal li ċ-ċentru tal-kura ta’ emerġenza kien f’lockdown iżda issa reġa’ fetaħ għalkollox.

L-Aġenzija tas-Sigurtà tas-Saħħa tar-Renju Unit ma kkonfermatx infezzjoni domestika tal-Ebola iżda qalet li nies li ħassewhom ma jifilħux wara li vvjaġġaw reċentement qed jiġu ttestjati għal firxa ta’ varjetà ta’ mard infettiv.

Aktarx li l-virus tal-Ebola din iod-darba feġġ l-ewwel fl-Uganda fejn il-ħaddiema tas-saħħa qed jikkumbattu biex irażżnu l-imxija tal-marda li diġà qatlet 55 persuna.

Hemm il-biża li għall-ewwel darba f’għaxar snin il-periklu kbir għas-saħħa tal-bniedem maħluq mill-virus tar-razza Ebola jispiċċa mingħajr kontroll fil-pajjiż tal-Afrika tal-Lvant.

S’issa kien hemm rappurtati 144 każ u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qed taħdem biex tikkuntattja aktar minn 1,000 persuna li setgħu ġew infettati.

Il-virus Ebola jiġi trażmess lill-bnedmin minn annimali selvaġġi u jista’ jinfirex permezz ta’ kuntatt ma’ fluwidi tal-ġisem. Ir-rati tal-imwiet ivarjaw skont iċ-ċirkostanzi tal-imxija iżda l-marda ġeneralment toqtol nofs dawk li tinfetta.

L-infezzjoni ġiet identifikata għall-ewwel darba f’irħula remoti fl-Afrika Ċentrali f’nofs is-snin sebgħin u kkawżat biżgħat ta’ pandemija globali matul l-2014-2016 fl-Afrika tal-Punent bil-vittmi identifikati fil-Guinea, is-Sierra Leone u l-Liberja.

Skont l-NHS, ir-riskju għan-nies li jżuru l-Afrika tas-sub-Saħara huwa ‘minimu’ iżda r-riskju huwa ogħla għall-ħaddiema tal-għajnuna u tal-isptarijiet.

Ekonomija

Sport