Sunday, May 5, 2024

Iffirmat ftehim bejn il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur u l-MFOPD

Aqra wkoll

Ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur u l-Fondazzjoni Maltija tal-Organizzazzjonijiet għall-Persuni b’Diżabilità (MFOPD). Dan sabiex jiġu ffinanzjati l-ispejjeż amministrattivi fuq perjodu ta’ tliet snin sa massimu ta’ €50,000 fis-sena. Dan ifisser investiment totali ta’ €150,000 fuq l-imsemmi perjodu.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli enfasizzat li dan il-ftehim jikkonferma l-fiduċja tal-gvern fl-għaqdiet volontarji u li d-deċiżjonijiet li qegħdin jittieħdu biex tkun imsaħħa l-indipendenza tal-persuni b’diżabilità qed isiru bl-istess persuni fiċ-ċentru tad-diskussjoni. Il-ministru qalet li dan l-iffirmar huwa ħolqa minn katina ta’ investimenti li l-Gvern qed iwettaq u se jkompli jwettaq fis-settur tad-diżabilità.

Min-naħa tagħha l-President tal-MFOPD Marthese Mugliette qalet li għall-ewwel darba, dan il-ftehim ser ikun għal perjodu ta’ tliet snin. Spjegat li dan juri fiduċja sħiħa li hemm bejn il-partijiet ikkonċernati. Għalhekk l-MFOPD ser tkun qegħda f’pożizzjoni aħjar biex issaħħaħ l-ħidma tagħha fis-settur. Il-ħidma tal-MFOPD tiffoka fuq dak kollu li jiġri f’pajjiżna fis-settur tad-diżabilità u anke fuq livell Ewropew.

Il-fondazzjoni hija magħmula minn 38 organizzazzjoni volontarja attiva li jaħdmu fil-qasam tad-diżabilità, u minn persuni u korporazzjonijiet marbuta mal-qasam tad-diżabilità f’Malta.

L-iffirmar sar mis-Segretarju Permanenti Nancy Caruana u mill-President tal-MFOPD Marthese Mugliette fil-preżenza tal-Ministru Julia Farrugia Portelli.

Sport