Saturday, December 21, 2024

Iffirmat ftehim bejn l-Università Embry-Riddle u l-Università ta’ Malta

Aqra wkoll

Ġie ffirmat ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn l-Università Aeornautika Embry-Riddle u l-Università ta’ Malta. 

Preżenti għall-ftehim kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, ir-Rettur tal-Università, il-Prof. Alfred J. Vella, il-Prof. David Zammit Mangion u x-Chargé d’Affaires  Amerikana Gwendolyn Green.

L-iskop ta’ dan il-ftehim ta’ kollaborazzjoni huwa li jiġu stabbiliti programmi ta’ baċellerat doppju u masters biex jippermettu lill-istudenti jingħataw baċellerat jew masters doppju li jkunu saru kemm fl-Università Aeronawtika Embry-Riddle kif ukoll fl-Università ta’ Malta.

Ġie ffirmat ukoll addendum sabiex jitwaqqaf grad ta’ Bachelor of Science (Honours) fit-Trasport bl-Ajru (kwalifika UM) u Bachelor of Science in Aeronautics degree (kwalifika ERAU).

Matul l-aħħar għoxrin sena, l-Università ta’ Malta stabbiliet reputazzjoni qawwija fil-qasam tal-ajrunawtika billi tiffoka l-isforzi tagħha primarjament fuq koperazzjoni internazzjonali permezz ta’ inizjattivi ta’ riċerka multinazzjonali ffinanzjati esternament mal-primes industrijali u mal-mexxejja tar-riċerka fl-Ewropa. Issa, permezz ta’ dan il-ftehim, qed nestendu dan il-livell ta’ kisba għas-settur tat-tagħlim tal-akkademja billi nissieħbu ma’ mexxej globali fil-qasam biex noffru prodott ġdid eċitanti għas-suq globali.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li, “Dan il-ftehim mal-Università Aeronawtika Embry Riddle li qed jiġi ffirmat huwa tragward fundamentali għall-Istitut tat-Teknoloġiji Aerospazjali, peress li jipprovdi l-pjattaforma għalina biex, għall-ewwel darba fl-Università ta’ Malta, noffru programm undergraduate onlajn maħsub għal studenti madwar id-dinja kollha”.

“Permezz ta’ dan il-ftehim, qed inniedu programm ta’ degree doppju li jagħti grad ta’ Baċellerat fix-Xjenza Aeronawtika mill-Università Aeronawtika Embry Riddle u Baċellerat fix-Xjenza fit-Trasport bl-Ajru mill-Università ta’ Malta. Qed inressqu studenti flimkien kif ukoll qed nikkollegaw universitajiet differenti. Jien kuntent ħafna li l-istudenti tagħna qed jieħdu opportunitajiet li qatt ma konna nimmaġinawhom qabel. Malta u l-Istati Uniti jgħożżu relazzjoni tajba u qed inħarsu ’l quddiem biex inkomplu naħdmu flimkien fuq numru ta’ miżuri importanti”, qal il-Ministru Bonnici.

Waqt li jservi l-industrija tat-trasport bl-ajru, dan il-programm se jipprovdi edukazzjoni undergraduate lil piloti professjonali u b’hekk itejjeb il-prospetti tal-karriera tagħhom u, forsi aktar importanti, jagħtihom is-setgħa għal kisba akbar u kontribuzzjoni għall-industrija.

Mhux biss il-programm jiffoka fuq l-iżvilupp professjonali, iżda b’mod uniku u kruċjali jgħaqqad il-punti tajbin individwali tas-sistemi Amerikani u Brittaniċi ta’ edukazzjoni terzjarja li ż-żewġ universitajiet jadottaw b’mod indipendenti.

Ekonomija

Sport