Il-General Workers’ Union għadha kif iffirmat ftehim kollettiv ġdid li jkopri l-ħaddiema kollha tal-ARMS għal ħames snin. Ftehim li se jara l-futur tal-ARMS Ltd. u l-ħaddiema tagħha jkompli jissaħħaħ.
Dan il-ftehim hu riżultat ta’ xhur twal ta’ taħdidiet mal-management u mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-ħaddiema se jgawdu minn kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol inkluż ukoll titjib fil-pakkett finanzjarju.
Kendrick Bondin, is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-General Workers’ Union ħa l-opportunita sabiex irodd ħajr lil dawk kollha li taw sehemhom sabiex jintlaħaq dan il-ftehim bl-aħjar mod possibbli li għandu jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Żied jirringrazzja wkoll lill-membri tal-GWU li wrew fiduċja fil-GWU u apprezzaw ir-riżultati miksuba.
Silvio Scerri, il-Kap Eżekuttiv tal-ARMS Ltd. qal li l-GWU flimkien mal-management fehmu eżattament il-polz tal-ħaddiema għall-aħjar ftehim bejniethom. Saħaq li huwa pass importanti kbir għax huwa pass fit-tul biex il-ħaddiema flimkien mal-maniġment ikollhom serħan il-moħħ.