Tuesday, May 14, 2024

F’Ottubru tkejlu 51 siegħa xemxin aktar min-norma

Aqra wkoll

Ottubru ġab miegħu temp xott u xemxi, bl-ammont totali ta’ sigħat xemxin jisboq in-norma klimatika tax-xahar ta’ 217.7-il siegħa bi ftit aktar minn 51 siegħa. Dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li l-kopertura tas-sħab medja għax-xahar kienet aktar baxxa min-norma klimatika, jiġifieri 1.8 oktas minflok 3.7 oktas.

Filwaqt li fl-aktar jum xemxi ta’ Ottubru tkejlu 10.6 sigħat xemxin, fl-aktar jum mudlam tkejlu biss 0.4 siegħa, hekk kif l-unika maltempata bis-sajjetti tax-xahar laqtet lill-gżejjer Maltin. Dakinhar, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel 18.4 mm xita f’Ħal Luqa.

Matul ix-xahar kollu ta’ Ottubru tkejlu biss 18.6 mm xita u b’hekk ix-xahar kien ħafna aktar xott min-norma klimatika ta’ 77.6 mm. L-ammont ta’ xita li niżel f’Ottubru li għadda kien kumparabbli ma’ dak li kien tkejjel fl-istess xahar fl-1944 (19.3 mm), l-1987 (19.2 mm) u l-2004 (19.8 mm). Ottubru li għadda, fil-fatt, tniżżel fir-reġistri tal-Uffiċċju Meteoroloġiku bħala l-10 Ottubru l-aktar xott minn meta bdew jinżammu r-rekords.

F’Ottubru ġew irreġistrati wkoll temperaturi sħan, li rriżultaw minn żona ta’ pressjoni għolja persistenti fuq il-gżejjer Maltin u l-parti l-kbira tal-Baħar Mediterran. Sbatax-il jum f’Ottubru rreġistraw temperaturi massimi li kienu ogħla min-norma, bit-temperatura massima medja tax-xahar taqbeż in-norma klimatika ta’ 25.0°C b’0.4°C. Filwaqt li l-ogħla temperatura li tkejlet f’Ottubru kienet 28.6°C, it-temperatura minima niżlet għal 15.7°C u ġiet irreġistrata fuq jumejn konsekuttivi.

F’Ottubru t-temp kien ukoll aktar kalm milli mistenni, fejn il-veloċità medja tar-riħ kienet ta’ 5.9 knots minflok in-norma ta’ 7.4 knots. Il-buffura massima ta’ Ottubru laħħqet it-33 knot mid-direzzjoni tal-Majjistral.

Sport