Saturday, December 21, 2024

Iffirmat kuntratt għal servizz ta’ ‘Sex Workers Support Service’

Aqra wkoll

Ġie ffirmat kuntratt għas-servizz li se jkun introdott għall-ewwel darba f’pajjiżna, servizz soċjali għas-sex workers bl-isem ta’ ‘Sex Workers Support Service’ bejn id-Direttorat ghad-Drittijiet tal-Bniedem (HRD) u l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Socjali (FSWS). Dan se jkun servizz għal dawk il-persuni li jaħdmu fil-prostituzzjoni/li huma sex workers.

Dan il-kuntratt għas-servizzġie ffirmat mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza is-Sur Johan Galea, u mill-Kap Eżekuttiv tal-FSWS is-Sur Alfred Grixti. L-iffirmar sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u mis-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar.

L-Aġenzija Appoġġ se tkun qed tħejji dan il-programm li se jassigura għodda relevanti ta’ assessjar, xogħol individwali ma’ klijenti, group work, outreach fil-komunità, counselling, u anke care plans sabiex dawn il-persuni jkollhom direzzjoni fit-tul, mhux biss jingħataw assistenza fl-immedjat.

Il-Ministru Michael Falzon qal li għalkemm qed nitkellmu fuq minoranzi u numri żgħar, dan il-Gvern jinterresah anke minn każ wieħed. Għalhekk il-bżonn li noħolqu ambjent li jippromovi d-dinjità u kemm jista’ jkun nagħtu l-istess opportunitajiet lil kulħadd.

Il-Ministru Falzon qal illi permezz ta’ dan il-ftehim, il-FSWS qed tkompli tikkonsolida il-katina ta’ servizzi li toffri fil-komunità sabiex aktar persuni jkomplu jsibu l-għajnuna meħtieġa u f’waqtha.

Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar qalet li meta nitkellmu fuq prostituzzjoni rridu nifhmu illi hemm żewg realtajiet, fuq naħa persuni vulnerabbli, fuq naħa oħra persuni li b’għażla personali jridu jagħmlu dan ix-xogħol. Kompliet tgħid li tkun xi tkun is-sitwazzjoni jew ir-raġuni, temmen li kulħadd għandu jiġi rikonoxxut, trattat b’rispett, u jkun protett b’kull tip ta’ għajnuna neċessarja li wieħed jaf jiġi bżonn.

Kompliet tgħid kif il-preġudizzju dwar sex workers jwassal li persuni involuti f’dan ix-xogħol isibuha diffiċli biex ifittxu l-għajnuna jew jużaw is-servizzi meħtieġa, inkluż biex jirrapurtaw abbużi jew vjolenza kontrihom. Tkellmet ukoll dwar kif l-l-iffirmar tal-lum hu pass meħtieġ u importanti, kemm għas-sex workers kif ukoll għall pajjiżna. Permezz ta’ dawn is-servizzi u l-inizjattivi rridu nibgħatu messaġġ ċar li kulħadd jistħoqqlu jkun protett u trattat b’mod ugwali.

Is-segretarju parlamentari kkonkludiet billi qalet se tibqa’ taħdem bi sħiħ biex taċċerta li s-sex workers f’Malta jkollhom il-protezzjonijiet meħtieġa u tkun eliminata kull forma ta’ preġudizzju fil-konfront ta’ dawn il-persuni.

Ekonomija

Sport