Il-General Workers’ Union iffirmat l-ewwel ftehim kollettiv għall-ħaddiema maniġerjali tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA). Ftehim li mhux biss se jsaħħaħ l-inċentivi finanzjarji iżda jtejjeb ukoll il-bilanċ bejn xogħol u ħajja, ir-rikonoxximent u l-benesseri tal-ħaddiema filwaqt li jiffoka fuq it-tkabbir personali tagħhom.

F’diskors li għamel qabel l-iffirmar ta’ dan il-ftehim, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li dan huwa mument sinifikanti li jirrifletti x-xogħol, id-dedikazzjoni u l-impenn ta’ ħafna nies li għal xhur twal ħadmu b’serjetà, responsabiltà u għaqal biex jaslu għal dan il-għan. Spjega li dan il-ftehim huwa riżultat ta’ negozjati twal, intensivi u maturi.
“Proċess fejn kien hemm bżonn nisimgħu lil xulxin, nifhmu l-pożizzjonijiet differenti u fuq kollox insibu bilanċ ġust bejn il-ħtieġa u l-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema, ir-responsabiltà tal-awtorità u l-klijent. Il-fatt li llum qegħdin hawn huwa prova ċara li d-djalogu soċjali meta jsir b’intenzjoni tajba u b’viżjoni ċara jwassal għal riżultati konkreti u sostenibbli,” qal Bugeja.
Huwa żied jgħid li l-BCA għandha rwol kruċjali llum aktar minn qatt qabel f’pajjiż li qed jinbidel u jikber b’pass mgħaġġel. “L-awtorità għandha r-responsabbiltà li tiżgura li l-iżvilupp isir b’mod sigur, professjonali u sostenibbli. Il-ħaddiema huma fil-qalb ta’ dan kollu. Huma dawk li jħarsu l-kwalità u s-sigurtà fis-settur tal-kostruzzjoni. Settur li mhux biss huwa plastru tal-ekonomija Maltija imma għandu impatt dirett fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tagħna.”
“Għalhekk meta konna qed ninnegozjaw dan il-ftehim konna konxji li mhux biss konna qed nitkellmu dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol imma dwar il-futur tal-awtorità u dwar il-futur tas-settur kollu,” tenna s-Segretarju Ġenerali tal-GWU.
Dan il-ftehim, li jkopri l-gradi tas-Senior Heads, Heads u Senior Managers, jagħti rikonoxximent ċar u konkret lill-irwol kruċjali li dawn il-ħaddiema għandhom fit-tmexxija, fid-deċiżjoni u fl-implimentazzjoni tal-funzjonijiet tal-Awtorità. B’kollox, il-ftehim jaffettwa 43 pożizzjoni, inklużi dawk li jinsabu fil-proċess tar-reklutaġġ.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard fisser dan il-ftehim kollettiv bħala pass storiku li mhux biss jirrikonoxxi r-responsabbiltà tal-maniġment, iżda jsaħħaħ il-pedamenti ta’ Awtorità aktar effiċjenti, trasparenti u ffukata fuq iċ-ċittadin.

Dan il-pass huwa parti minn investiment kontinwu fil-kapital uman tal-Awtorità. Fil-fatt, il-workforce kibret minn 72 ħaddiem fl-aħħar tal-2023 għal 126 ħaddiem illum, żieda ta’ 75%. Fl-istess waqt, il-budget operattiv żdied minn €5 miljun għal €9 miljun, filwaqt li l-fondi għal skemi u inizjattivi telgħu minn €500,000 għal €4 miljun.
Dawn l-investimenti qed jissarrfu f’servizzi aktar effiċjenti u aċċessibbli għaċ-ċittadini, kif ukoll f’standards ogħla fis-settur tal-kostruzzjoni. Fost l-inizjattivi riċenti hemm ir-riformi fil-liċenzjar tal-kuntratturi u tal-bennejja, spezzjonijiet konġunti mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol, it-tnedija tal-helpline 138, u l-introduzzjoni ta’ servizz bla ħlas ta’ avukati u periti għal terzi affettwati mill-kostruzzjoni.
Il-Ministru Attard enfasizza li dan il-ftehim huwa frott ta’ negozjati serji u responsabbli mibnija fuq rispett u djalogu kostruttiv bejn il-partijiet kollha involuti, inkluż il-General Workers’ Union, l-Industrial Relations Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-maniġment u r-rappreżentanti tal-ħaddiema.
“Dan il-ftehim mhux biss isaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-benesseri tal-ħaddiema, iżda jikkonsolida wkoll impenn lejn servizz pubbliku aktar modern, effiċjenti u ġust, ibbażat fuq prinċipji ta’ trasparenza, responsabbiltà u rispett reċiproku”, temm jgħid Dr Attard.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-BCA, il-Perit Roderick Bonnici rringrazzja lil dawk kollha li ħadmu biex seta’ jintlaħaq dan il-ftehim. Huwa qal ukoll li l-Awtorità se tkompli taħdem biex tiżgura li kull ħaddiem fis-settur ikollu skill card u għaldaqstant dan il-ftehim għandu jservi ta’ inċentiv għall-ħaddiema tal-awtorità biex jintlaħaq dan il-għan”, qal il-Perit Bonnici.
F’kummenti ma’ L-Orizzont, is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Servizzi u Finanzi fi ħdan il-GWU Riccarda Darmanin qalet li “dan huwa ftehim storiku, l-ewwel wieħed għall-BCA. Irnexxielna li l-Gradi Maniġerjali nagħtuhom skali ġodda tal-pagi. Introduċejna wkoll allowances ġodda li huma denji għal dawn il-ħaddiema li għandhom ħafna responsabbiltà. Ridna nagħmlu pedament sod għal ftehimiet kollettivi futuri.”
Il-ftehim f’isem il-BCA kien iffirmat mill-Kap Eżekuttiv, il-Perit Roderick Bonnici, iċ-Chief Officer Karsten Cilia Zarb u s-Senior Head Ryan Mallia filwaqt li f’isem il-GWU ffirmaw is-Segretarju Riccarda Darmanin, l-Assistent Segretarju Cynthia Schembri u x-Shop Stewards Bian Loffreda, Ivan Muscat u Lydon Vella. Iffirma wkoll Thomas Woods, il-Kap tat-Taqsima tar-Relazzjonijiet Industrijali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

