Wednesday, July 24, 2024

Iffirmat l-ewwel ftehim kollettiv tal-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat

Aqra wkoll

Il-prosekuturi u l-prokuraturi legali fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat se jibbenefikaw minn titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi tagħhom, fosthom fil-pakkett finanzjarju, wara li kien iffirmat l-ewwel ftehim kollettiv fl-istorja ta’ dan l-uffiċċju.

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ippresjeda ċ-ċerimonja li fiha ġie ffirmat l-ewwel ftehim kollettiv tal-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat ftit snin biss wara t-twaqqif tiegħu.

Il-Ministru fisser dan it-tragward bħala prova ċara oħra kemm dan il-Gvern hu kommess li jsaħħaħ is-Saltna tad-Dritt u l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, mhux bil-kliem biss, imma bil-fatti.

“Saħħaħna l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat mhux biss b’kundizzjonijiet aħjar, iżda anke fejn tidħol ir-riżorsa umana. Fl-2013 kellek 30 avukat jaħdmu fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li kienu jieħdu ħsieb l-aspett ċivili kif ukoll dak kriminali. Illum fl-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat biss għandna 30 avukat u mas-70 avukat ieħor fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Dan ifisser 100 Avukat u prokuratur legali ingaġġati mal-istat biex iservu f’dawn iż-żewġ uffiċini biss. U dan mingħajr ma ninkludu ’l fuq minn 30 persuna fl-amministrazzjoni”, tenna l-Ministru Attard

Huwa saħaq li l-investiment fir-riżorsa umana hija waħda miċ-ċwievet tas-suċċess ta’ dan il-gvern u fakkar kif l-allokazzjoni finanzjarja għal dan l-uffiċċju telgħat għal kważi €3 miljun fis-sena.

Fil-fatt, sal-aħħar ta’ din is-sena l-Uffiċċju qed jipprevedi r-reklutaġġ ta’ ħames avukati addizzjonali fi skali differenti u żewġ Prokuraturi legali.

Il-Ministru Jonathan Attard saħaq kif b’dan il-ftehim kollettiv qed jassiguraw li joffru s-sostenn meħtieġ lil din l-istituzzjoni biex il-professjonisti legali fi ħdanha jaqdu dmirhom bl-aqwa mod possibbli u fl-interess tal-ġustizzja.

Dan il-ftehim kollettiv – li seħħ permezz ta’ djalogu soċjali bejn l-UĦM li jirrappreżentaw il-ħaddiema, l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Industrial Relations Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru – se jiżgura li l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat ikollu fi ħdanu avukati motivati, imħarrġa u impenjati biex jaffaċċjaw l-isfidi attwali u dawk li jiżviluppaw minn żmien għal żmien.

Indirizzaw ukoll lil dawk preżenti għaċ-ċerimonja tal-iffirmar tal-ftehim kollettiv, l-Avukat tal-Istat Dr Christopher Soler u l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM – Voice of the Workers Josef Vella.

Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joyce Cassar, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja Johan Galea, kif ukoll ħaddiema fl-Uffiċċju tal-Istat u rappreżentanti tal-Industrial Relations Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.​

Ekonomija

Sport