Wednesday, July 24, 2024

Fit-8 ta’ Ġunju se niddeterminaw il-futur ta’ pajjiżna

- Fit-8 ta’ Ġunju se niddeterminaw il-futur ta’ pajjiżna

Aqra wkoll

Il-vot tas-Sibt huwa vot importanti ħafna għal membri tal-parlament Ewropew u vot għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Imma huwa wkoll vot li għandu juri jekk irridux il-pajjiż jibqa’ jimplimenta l-elf  proposta li għażel sentejn ilu.

Irridu nagħżlu nagħtux sinjal ta’ fiduċja lill-gvern li jitkellem b’mod konkret, jew nagħżlu l-arroganza tal-oppożizzjoni li f’din il-kampanja elettorali ma tkellmet dwar kważi xejn.

Gvern Laburista lin-nies jirrispettahom. Dan kien il-messaġġ ċar li bagħat il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fl-aħħar intervista taħt it-tinda għal din il-kampanja elettorali, bit-tema “Is-Saħħa lill-Maltin”, li saret f’San Gwann. Huwa beda billi offra l-kondoljanzi lill-familja ta’ Joseph Muscat għat-tefa ta’ Salvu Muscat, missier Joseph.

Il-Mexxej Laburista qal li f’din il-kampanja spikkaw u jgħożż ħafna l-esperjenzi tan-nies, għaliex huma esperjenzi li minnhom jitgħallem l-iktar. “Huma dawn l-esperjenzi li wara li naħsbu fuqhom, naraw kif indaħħlu riformi, għaliex aħna nagħtu widen lin-nies, Din hija politika responsabbli”, qal Robert Abela. Huwa qal li se jkompli jisma l-esperjenzi tan-nies, għax hekk jitfassal il-futur ta’ pajjiżna.

Semma li l-Gvern Laburista għandu pjan ċar kif se jgħin lin-nies, b’elf proposta għal Malta tal-futur, ħafna minnhom diġà twettqu, għaxar prinċipji ċari u pjan għal kull lokalità. Biex dan kollu jitwettaq hemm bżonn vot b’saħħtu fit-8 ta’ Ġunju biex il-gvern jibqa’ jwettaq ir-riformi, jibni fuq it-tajjeb u fejn meħtieġ idaħħal riformi.

Il-Mexxej Laburista qal li l-ħidma tal-Gvern ma waqfet xejn u din hija ħidma li se tissaħħaħ. Twettaq ħafna bl-ewwel żewġ budgets tal-leġiżlatura, it-tielet wieħed se jkun iktar b’saħħtu. “U dan mhux għax is-sena d-dieħla hemm elezzjoni”, qal Robert Abela. Il-fiduċja tan-nies tfisser li fil-budget li ġej Gvern Laburista jkun jista’ jerġa jieħu ħsieb il-pensjonanti. Hawnhekk semma dak li tħabbar dalgħodu stess dwar l-avviż legali li se jkun ippubblikat għada dwar il-prinċipju importanti tal-equal work for equal pay. “Fil-ħidma tagħna se nibqgħu nimbuttaw riformi u bidliet li jagħtu s-saħħa lill-ħaddiem”, qal il-Prim Ministru Robert Abela.

Il-Mexxej Laburista qal li dak li tħabbar dalgħodu huwa Patt Soċjali ieħor, għaliex dan huwa dak li huwa mibni fuqu l-Partit Laburista.

Tkellem ukoll dwar kif dan il-gvern dejjem ħaseb għall-middle class, għaliex din hija s-sinsla tas-soċjetà,  u se jkompli jaħseb fiha iktar. Żewġ eżempji biss ta’ kif il-gvern għen lil din il-faxxa tas-soċjetà huma l-għajnuna fuq l-enerġija u l-fuel. Dwar din il-gvern ġie attakkat għaliex għen lil kulħadd u dawk li kienu kontriha qalu li l-gvern qed jinċentiva l-ħela. Il-Prim Ministru qal li huwa jemmen li l-familji u n-negozji Malti bil-għaqal u allura l-għajnuna jużawha biex il-familja tibqa’ timxi ‘l quddiem u tinvesti fl-oqsma importanti. Għalhekk kieku l-familji middle class ma ġewx megħjuna, din kienet tkun daqqa kbira. “Jekk l-establishment ikollu kontroll fil-pajjiż, idaħħal dawn l-idejat perikolużi u li jagħmlu ħsara lil kull faxxa tal-pajjiż”, qal Robert Abela.

Miżura oħra li bdiet din is-sena u li hija kruċjali għall-familji kollha hija l-għotja ta’ €1,500 ewro fuq tliet snin għal dawk il-familji li uliedhom ikomplu jistudjaw. Miżura li tgħin lill-familji kollha, imma tgħin ħafna familji middle class li l-gvern iridhom jibqgħu mexjin ‘il quddiem.

Bħal dawn il-miżuri hemm oħrajn, bħal dak li hemm imwiegħed fil-manifest dwar tnaqqis fit-taxxa u dan il-gvern se jkun qed iwettaq din il-wegħda. Ġenituri li jaqilgħu sa’ elf ewro fix-xahar mhux se jibqgħu jħallsu taxxa. Din hija miżura li se tħalli sa kważi sitt mitt ewro fis-sena fil-bwiet tal-familji middle class. Miżura li hija l-ikbar tax cut li qatt ra gvern, u dan mingħajr ma jitneħħa xejn mill-miżuri li diġà hemm. għandna fis-seħħ. Din miżura li tidħol fil-budget li ġej.

“Is-Sibt li ġej dak li jgħodd huwa min se jagħti ftit minn ħinu u jmur jivvota. U sakemm jinxteħtu l-voti l-partiti jkunu xejn b’xejn. Hawn min jixtieq, li nagħtu każ xi survey u nistrieħu. M’għandniex nagħmlu hekk. Għax id-deċiżjonijiet vera jittieħdu s-Sibt”, qal Robert Abela.

Huwa kompla jgħid li l-vot huwa s-saħħa tan-nies, il-vot jiddetermina x’futur irridu nagħmlu lill-pajjiżna. Għalhekk wieħed għandu jara li għandu dik l-għodda f’idu. Għalhekk jekk għad hemm min għadu mhux deċiż, jista’ jitkellem u jiddiskuti mal-grupp parlamentari sħiħ, kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali, jew amministrazzjoni tal-partit.

Din se tkun elezzjoni li permezz tagħha l-poplu Għawdxi u Malti se jiddetermina l-futur ta’ pajjiżna. Il-poplu se jibgħat messaġġ. Il-vot juri jekk il-poplu jridx lill-pajjiż jibqa’ jimplimenta l-elf  proposta li għażel sentejn ilu, permezz ta’ politika responsabbli. Sinjal ta’ fiduċja lill-gvern jew jagħżel l-arroganza u l-politika tal-awsterità tal-oppożizzjoni.

Fi tmiem l-intervista l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ħeġġeġ lin-nies biex nhar is-Sibt jivvotaw għal mandat b’saħħtu biex il-gvern jerġa jkun f’qagħda b’saħħitha biex ikompli bil-ħidma tiegħu, anki quddiem l-isfidi li għad irid jaffaċċja pajjiżna. Ħeġġeġ lill-poplu biex jivvota kmieni u jivvota lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista.

Għax hekk nagħtu s-saħħa lin-nies ta’ San Ġwann. Is-saħħa lil Għawdxin, is-Saħħa lil Maltin.

Ekonomija

Sport