Sunday, December 22, 2024

Iffirmat MoU favur aktar opportunitajiet għall-professjonisti legali

Aqra wkoll

Ġie ffirmat memorandum of understanding bejn l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali u l-Kamra tal-Avukati li se jkun qiegħed issaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet fis-settur tal-ġustizzja. Dan huwa ftehim li se jwassal biex il-professjonisti legali, li diġà huma involuti fis-sistema u oħrajn ġodda li jistgħu jidħlu fiż-żmien li ġej, ikomplu jitrawmu f’aktar opportunitajiet.

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard iddeskriva dan il-ftehim bħala żvilupp importanti li jikkumplimenta l-ħidma politika tal-gvern. “F’dawn l-aħħar snin, il-Gvern bil-ħidma tiegħu ta prijorità l-impenn li jkollna soċjetà inklużiva li tagħti aċċess għall-ġustizzja għal kulħadd u li tistabbilixxi istituzzjonijiet effettivi, kontabbli, inklussivi u li jgawdu mill-fiduċja tal-poplu”, sostna l-Ministru Attard.

Il-Ministru Attard fakkar kif fl-aħħar 10 snin kien hemm investiment bla preċedent anke fir-riżorsa umana fejn minn 16-il avukat u prokuratur legali llum hemm 60 avukat u prokuratur legali mal-Aġenzija.

“Nieħu gost ninnota wkoll l-aspett ta’ kollaborazzjoni mal-Junior Chamber of Advocates, b’tali mod li jkollok studenti tal-liġi li kull sena jingħataw opportunità jieħdu esperjenza f’din l-Aġenzija,” kompla jgħid il-Ministru Attard.

Huwa temm jgħid li dan il-ftehim se jwassal biex ikomplu jgħollu l-livell tas-servizz provdut għaliex ikun inutli li jsaħħu l-liġijiet, li jsaħħu l-istituzzjonijiet u jkun hemm min fis-soċjetà li jiġi mċaħħad mill-ġustizzja minħabba raġunijiet soċjali u finanzjarji.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Aġenzija tal-Għajnuna Legali Bruno Zahra qal li l-Aġenzija se tkompli ssaħħaħ is-servizz tal-għajnuna legali fejn fost l-oħrajn se jkun hemm studenti li se jkunu qed jiġu assenjati ma’ avukati tal-aġenzija biex iżidu fil-prattika. “Barra minn hekk, b’din il-kollaborazzjoni, it-taħriġ li jsir mill-Kamra tal-Avukati se jkun aċċessibbli wkoll għall-avukati tal-għajnuna legali u b’hekk ikollhom żvilupp ta’ taħriġ professjonali matul is-snin”, temm jgħid is-Sur Zahra.

Il-ftehim ġie ffirmat mid-Direttur tal-Aġenzija tal-Għajnuna Legali Bruno Zahra u l-President tal-Kamra tal-Avukati Dr Peter Fenech. Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Johan Galea.

Ekonomija

Sport