Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn ir-reċtar?
Minn dejjem kont inħobb nirreċta. Ommi kienet tgħallimni minn ċkuniti u dawk huma l-ewwel memorji tiegħi. Għaliex nistgħu nsejħu r-reċtar bħala forma ta’ arti?
Ir-reċtar huwa forma ta’ espressjoni, fejn l-awtriċi tikteb dak li tixtieq tesprimi, u l-attriċi, bl-għajnuna tad-direttriċi, toħroġ dawk l-emozzjonijiet u dik l-istorja.
Kemm hu differenti t-televiżjoni mill-palk tat-teatru?
Għat-televixin u ċ-ċinema, peress li għandek il-kamera tidħol close-up bil-mikrofonu jaqbad leħnek u jamplifikah, m’hemmx għalfejn tipproġetta leħnek fit-tul. Anke mossi żgħar ħafna kapaċi jaslu s’għand l-udjenza. Imma, fuq il-palk, fejn ħafna drabi (mhux dejjem), l-udjenza tkun il-bogħod minnek, ir-reċtar ikun ‘ikbar’ biex jidher u jinstema’ aktar fil-bogħod.
Taqbel maċ-ċensura?
Li ma tħallix lill-udjenza tara li trid, ma naqbilx. Imma għandek tarraf lill-udjenza jekk xogħlok ma jgħoddx għal ċertu etajiet minorenni. Jekk reċta mhix tajba għal tfal taħt it-12 il-sena, mela trid tikteb. Bħall-films. Imbagħad il-ġenituri jagħmlu l-aħjar għażla, għax tajthom l-informazzjoni li għandhom bżonn.
Għandek fidi f’Alla?
Ħafna.
Int li ilek tirreċta kif rajtu jinbidel il-qasam tar-reċtar f’pajjiżna tul is-snin?
Ħafna tfal qed imorru jitgħallmu minn eta’ żgħira fl-iskejjel li fetħu f’dawn l-aħħar għoxrin sena. Din xi ħaġa ta’ min jinkoraġġiha. Nara wkoll ħafna żgħażagħ li jkomplu jistudjaw u jispeċjalizzaw barra minn Malta, avolja anke Malta issa hawn fejn wieħed ikompli l-istudji tiegħu MCAST u l-università. Kollha affarijiet sbieħ għax wara kollox, meta jerġgħu jiġu lura, jġibu magħhom idejat ġodda li jarrikkixxu l-mistjier.
Taħseb li attur f’Malta jista’ jgħix bid-drama biss?
Anke’ barra minn Malta diffiċli tgħix bid-drama biss. Jien naħdem f’diversi oqsma artistiċi apparti teatru. L-ewwel nies nikteb xogħol tiegħi u anke mar-raġel tiegħi, Malcolm Galea, li flimkien għandna kumpanija teatrali fejn intellgħu kemm xogħol għat-tfal, kif ukoll għal kbar. Imma apparti jien nagħmel proġetti fejn ngħaddi dak li naf lil komunitajiet differenti. Is-suġġetti li studjajt jien huma fil-fatt arti u mużika, u nħobb nuża dawn l-oqsma differenti fil-produzzjonijiet tagħna u fl-esebizzjonijiet li ntella’.
Alura għal mistoqsija tiegħek ngħid. Inti dejjem trid tiftaħ ftit ħalli dejjem ikollok xogħol x’tagħmel. Ġieli nirreċta, nikteb, nipproduċi, nagħmel kostumi, pupazzi. Li hemm bżonn. Apparti nippreżenta fuq ir-radju, ngħallem, nagħmel proġetti. Hawn ħafna x’wieħed jista’ jagħmel.
Ġieli ħsibt li tgħix barra minn Malta u taħdem hemmhekk?
Ġieli ħsibt, imma Malta ma nibdilha ma xejn. L-ewwel nies, jien hawn għandi l-familja tiegħi u nħobb lil Malta ħafna. Ma tantx se nissaporti l-bogħod minn Malta. Ukoll, jien inħobb il-fatt li aktar faċli ttella’ reċta hawn Malta. In-nies li jaħdmu fit-teatru nafhom u ningwala sew magħhom.
Intellaw xogħlijiet tagħna barra minn Malta jien u żewġi u jiġu milqugħa sew ħafna. Infatti, Malcolm rebaħ kemm il-darba premjijiet għal kitbietu l-Ingilterra. Imma, hawn qed inrabbu familja u qalbna marbuta ma Malta dejjem.
Taħseb li f’pajjiżna hawn biżżejjed opportunitajiet tad-drama jew għadna limitati?
Il-limitazzjoni tagħna hija ċ-ċokon u n-nuqqas ta’ għarfien u apprezzament lejn xogħol l-artist. Il-barrani li jiġi jżurna, xogħol Malti jkun jixtieq jara, allura rridu nappoġjawh iktar lil Malti.
L-esperjenza li tara biċċa xogħol qed tinħadem quddiemek fuq palk hija ta’ min japprezzaha. L-udjenzi li jmorru t-teatru bil-mod il-mod qed jiżdiedu wkoll.
Parti minn xogħol għat-teatru fl-2018 kien li nduru 10 ibliet Malta u Għawdex f’teatri lokali. Xtaqna nuru li wieħed jista’ jagħmel tur hawn Malta għax hawn biżżejjed teatri mxerrda ma Malta u Għawdex. Imma donnu jekk mhux farsa, ma tantx jattendu n-nies. U dik hija ħasra, għax it-teatru huwa ferm aktar rikk mill-sempliċi teatrini.
It-teatru joffri ħafna aktar x’tiskopri u jgħinek tiftaħ l-orrizonti tiegħek għal ħsibijiet aktar profondi. Meta tesperjenza reċta ma ħaddieħor (kummiedja jew traġedja), tħoss is-sens ta’ komunita’ li fil-ħajja mgħaġġla li qed ngħixu, qed nitilfuha.
Imma t-teatru jerġa jressaqna lejn xulxin. Flimkien wara reċta, nesprimu x’ħassejna x’ħin rajna dik il-ħaġa li laqtitna; nkunu għamilna esperjenza komuni u nistaw nitkellmu, mhux il-ħin kollu fuq il-midja soċjali biss. Nħarrsu f’għajnejn xulxin biex naraw id-dinja reali tan-nies ta’ madwarna, bla emoticons u likes.
Attur titwieled jew issir?
L-ewwel ma gradwajt jien bħala għalliema, u nemmen ħafna li jekk trid, tista’ titgħallem kwalunkwe ħaġa. Skont kemm trid timpenja ruħek. Li jkollok vantaġġ għax titwieled biha l-ħaġa tgħin imma mhux bil-fors. Hija dixxiplina ukoll, allura, aħdem kemm tiflaħ, tgħallem u tasal.
Nixtieqek li tgħaddi l-aħħar messaġġ tiegħek lit-tfal u ż-żgħażagħ li huma interessati li jaqbdu karriera fir-reċtar.
Qatt taqtaw qalbkom mill-ħolm tagħkom. Hija ħasra li taħsbu biss fil-flus. Tagħmlu xejn biss għal flus għax fil-ħajja dawk mhux kollox. Importanti, imma mhux l-aktar importanti. Li twettaq ħolma tiegħek iżjed sodisfaċenti milli jkollok l-aqwa u l-aħjar oġġetti, għax dawk jikrieħu u jiqdiemu.
Taħlux ħin u taħlux flus, ħalli tkunu tistaw timmiraw għal ħolm tagħkom u teffordjaw timxu lejh. Bl-Ingliż jgħidu ‘where there’s a will, there’s a way’. Tiġrux wara l-fruha u l-bluha. Iffukaw fuq il-ħolma tagħkom u taslu żgur!