Thursday, October 31, 2024

Ikattar l-ispirtu tal-Milied bi presepji b’materjal riċiklat

Aqra wkoll

Hekk kif ninsabu fix-xahar ta’ Diċembru, bosta huma dawk li bħal dan iż-żmien iżejjnu d-djar tagħhom. Fost l-affarijiet insibu l-presepju li hu tradizzjoni sabiħa li għaddiet minn ġenerazzjoni għall-ġenerazzjoni. Nies bħal Mario Borg, resident minn Birkirkara, żgur u mhux forsi li jgħin biex din it-tradizzjoni ma tintilifx.

Dan il-ġurnal tkellem ma’ Mario, li huwa pensjonant, u għandu delizzju sabiħ li mhux biss jgħinu biex jimla l-ħin imma jgħin biex jitkattar l-ispirtu tal-Milied. Huwa qal li għalih il-presepju huwa importanti u b’mod speċjali jħobb jara wiċċ it-tfal bħal donnu jixgħel meta jkunu qed jarawh.

Għal madwar l-aħħar tliet snin huwa nnifsu beda jagħmel presepji permezz ta’ materjal riċiklat fosthom kartolini minn tas-snin ta’ qabel, injam minn tal-kaxxi bħal dawk tal-frott u bħala tiben juża’ ġulbiena minn tas-sena l-oħra wara li jnixxifha. “Jien pensjonant u għandi ħafna ħin x’nimla. Bihom nedha u nagħti gost lit-tfal, minbarra hekk inkun qed nippromwovi l-festa tat-twelid ta’ Sidna Ġesu Kristu u fl-istess ħin inħares l-ambjent ukoll għax il-materjal prinċipali li nuża jkun ġej minn affarijiet diġà użati,” qal Mario. 

Huwa qal li f’dawn l-aħħar sentejn kien jagħtihom lit-tfal imma din is-sena se jkun qed ibigħ minnhom bi prezz baxx u l-flus se jagħtihom lis-Santwarju tal-Madonna tal-Ħerba f’Birkirkara. Filwaqt li spjega li ġieli jagħmel tnejn f’ġurnata huwa qal li jipprova jvarja billi jagħtihom forom differenti u b’hekk l-oriġinalità f’dawn il-presepji tispikka iktar.

“L-ikbar sodisfazzjon huwa li nagħmilhom u nieħu pjaċir nara t-tfal jifirħu bihom għax ngħid għada pitgħada forsi jibqa’ jkun hawn id-dilettanti biex dik it-tradizzjoni ma tintilifx,” qal Mario filwaqt li żied jgħid li sfortunatament din it-tradizzjoni qiegħda dejjem tonqos. 

Huwa rrakkonta kif il-presepju minn dejjem ħabbu u li għandu tifel li jagħmel presepju kbir għall-wiri u mhux l-ewwel darba li ħa xi premju. Mario qal: “L-idea nibtet meta kont nara t-tfal jiġu mal-familja jaraw il-presepju l-kbir li jagħmel kull sena t-tifel u tant jieħdu gost u t-tfal jistaqsu iktar milli jistaqsu l-ġenituri. Il-pjaċir tiegħi li dak il-ħin nara għajnejn dawk it-tfal bħal donnhom jixgħelu.”

Mario żied jgħid: “Dak huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija u ngħidilhom biex jagħmluh fil-kamra tas-sodda tagħhom jew x’imkien ieħor fid-dar biex it-tradizzjoni tal-presepju tibqa’. Jien għalija l-Milied huwa l-presepju u l-bambin. Kollox sabiħ anke l-affarijiet l-oħra imma għalija l-Milied dak huwa, il-presepju u l-bambin u m’għandhomx jintesew.”

Sport