Effett tan-numru dejjem jikber ta’ ħaddiema barranin fostna kien il-ftuħ ta’ stabbilimenti tal-ikel Asjatiku f’diversi żoni tal-pajjiż. Żdied il-konsum ta’ dan l-ikel u mhux biss fost ħaddiema immigranti. It-talba għal platti Ċiniżi u Indjani ġejja wkoll minn fost il-Maltin.
Sa issa biċċa sostanzjali tat-talba Maltija qed tisserva permezz tat-takeaways imwassla fid-djar. Veru li f’dal-qasam, jiddominaw il-ristoranti tal-burgers u l-pizza. Imma skond ma qaluli, deħlin b’rata dejjem akbar ir-rikjesti għal ikel Indjan u Ċiniż, li għal snin twal ħafna Maltin baqgħu ma jiggostawx… Id-drawwiet qed jinbidlu.
Nimmaġina li eventwalment, il-gosti tal-poplu tagħna lejn ikel Asjatiku se jkomplu jissaħħu. Ma jibqgħux biss addatti għat-takeaways imma anke għal min irid joħroġ jiekol barra mal-ħbieb jew mal-familja. Ikun żvilupp interessanti jekk il-wasla tal-ħaddiema barranin jirnexxielha tbiddel bil-kbir il-gosti tal-poplu tagħna u minflok nieklu Taljan, nispiċċaw nippreferu l-Asjatiku, li għandu ħafna x’jaqilgħu.
GĦAJTA NAZZJONALI
Il-ħidmiet li jsiru biex isostnu u jkabbru s-sens ta’ patrijottiżmu fost il-Maltin u l-Għawdxin tal-lum huma ammirevoli. Dejjem kellna xi wħud f’Malta li kkritikaw dil-ħaġa għax jgħidu… jew kienu jgħidu… li ma rridux neżaġeraw u nagħtu lilna nfusna idea minfuħa ta’ x’jiswa pajjiżna. Fil-fatt, imqabbel mal-isforzi li jsiru f’pajjiżi oħra biex jippromwovu l-patrijottiżmu taċ-ċittadini (Franza, l-Istati Uniti…), l-isforz li jsir hawn hu minimu. Minn ċerti aspetti għandu jitqawwa bla ma jkollna għalfejn nagħmlu xi skużi.
Li jista’ jsir madankollu hu li l-ħidma biex tissaħħaħ l-għajta nazzjonali tkun aktar “moderna” filli tuża diskors, xbihat, eżempji u ċerimonji li jkunu anqas mibnija fuq ir-retorika u l-prattiċi (biex ma ngħidx il-liturġija) tas-seklu l-ieħor u ta’ qablu.
ID-DIFIŻA TAL-UKRAJNA
L-Unjoni Ewropea fil-maġġoranza kbira ta’ membri tagħha uriet ruħha qawwija favur l-Ukrajna wara l-invażjoni Russa ta’ tliet snin ilu. Baqgħet tagħmel dan anke wara li bl-amministrazzjoni Trump, l-Istati Uniti birdu fl-appoġġ tagħhom u anke bdew jindikaw li l-Ukrajna jaqblilha ċċedi. Aktar minn hekk, l-Istati Uniti qatgħu kważi għal kollox l-għajnuna finanzjarja tagħhom lill-Ukrajna, u b’mod jew ieħor, l-Ewropej daħlu biex isostnu lill-pajjiż b’fondi.
Il-probema hi: kemm jistgħu jaffordjaw li jħallsu u kif? Dwar hekk, mhux qed ikun hemm qbil. Proposta biex l-ispejjeż jinqatgħu mill-fondi tar-Russja depożitati f’istituzzjonjiet Ewropej u li l-Ewropa ffriżat, ma ssarfitx għax tqieset riskjuża wisq mill-pajjiż fejn jinsabu l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-fondi (il-Belġju). Qed jitħasslu proposti oħra malajr malajr.
Ma jidhirx li sar xi rendikont dwar fejn jinsab pajjiżna f’dil-kwistjoni għaddejja u jekk hijiex se ddaħħalna f’impenji finanzjarji addizzjonali.

