Saturday, May 18, 2024

Ikkonfermati 20 sena ħabs għal raġel li stupra lil omm l-eks sieħba b’lasta ta’ xkupa

“L-akkużat ħoloq xenarju makabru u dan għall-gratifikazzjoni tiegħu” - il-Qorti

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell Kriminali (Sede Superjuri) ikkonfermat is-sentenza ta’ 20 sena ħabs li ngħata żagħżugħ ta’ 22 sena wara li kien instab ħati f’ġuri li erba’ snin ilu stupra lil omm l-eks sieħba b’oġġett (lasta ta’ xkupa) fir-residenza tagħha f’Wied il-Għajn.

Iż-żagħżugħ, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti biex ikunu protetti l-vittmi, kien instab ħati wkoll li ġiegħel lil oħt l-eks sieħba twettaq atti mhux konsenswali fuq ommha, li kkaġunalhom biża’ li se tintuża vjolenza kontra tagħhom u li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ minorenni.

Huwa iżda ma kienx instab ħati li żamm lill-vittmi konra l-volontà tagħhom u dan għaliex intqal li omm l-eks sieħba tiegħu kienet b’mod regolari toħroġ għax-xogħol u bintha baqgħet tiltaqa’ mal-għarus. 

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li kienet semgħet il-ġuri ma kinitx emmnet li kien hemm tabilħaqq l-ispirti fid-dar fejn allegatament seħħew ir-reati li tagħhom instab ħati l-akkużat. Qalet li kienet konvinta li r-reati wettaqhom l-akkużat. 

L-akkużat kien appella mis-sentenza, bl-appell jinstema’ quddiem il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Edwina Grima u Giovanni Grixti. L-omm kienet xehdet fil-Qorti li hija sfat abbużata mill-akkużat wara li dan qalilha li kien qed jiġi ordnat jagħmel hekk mill-‘ispirtu’. Hija kienet irrakkontat ukoll li kienet tiġi msawta jekk ma tagħmilx dak li kienet ġiet ordnata biex tagħmel, tant li darba minnhom iż-żagħżugħ allegatament aggrediha billi dawwar idejh m’għonqha biex jifgagħha.

Sadanittant, it-tifla tagħha xehdet kif hija kienet imbeżża’ mill-‘vuċi’ li kienet tisma’ fid-dar u kellha tibqa’ hemm għax l-istess vuċi kien qalilha li jekk titlaq allegatament “l-ispirtu kien se joqtol lin-nanniet tagħha”. Hija qalet li hi u ommha kellhom jobdu għall-ordnijiet tal-‘vuċi’ fosthom li kellhom jinżgħu għarwenin, jaqsmu l-istejjer sesswali bejniethom, u allegatament kienu mġiegħla jwettqu atti ta’ natura sesswali kontra l-volontà tagħhom.

Il-Qorti tal-Appell qalet li taqbel ma’ dak li ddeċidiet il-Qorti Kriminali, u saħqet li ma kellhiex dubju li kien l-appellant u ħadd iżjed li kien qiegħed jorkestra dan ix-xenarju makabru u dan għall-gratifikazzjoni tiegħu. “Mhux biss iżda grazzi għal dawn l-“ordnijiet sopranaturali” jidher li l-appellant kien anke qed jakkwista l-flus mingħand omm l-eks sieħba għalkemm kien diżokkupat u kien iqatta’ l-ħin ikollu d-dar jilgħab bil-playstation.”

Il-Qorti nnotat ukoll li l-appellant ma ċaħadx li tul il-perjodu li dam jirrisjedi ma’ din il-familja, huwa kien ikollu rapporti sesswali mal-minuri, li tiġi t-tifla l-oħra tal-allegata vittma. Huwa kien ċaħad iżda li kien jaf li din kellha 14-il sena u jgħid li ħaseb li kienet maġġorenni. 

Il-Qorti ma emmnitx dan għaliex mill-provi ħareġ li f’dak il-perjodu, hija kienet għadha tmur l-iskola, tant li l-minuri stess irrakkontat li kien hemm diversi okkażjonijiet fejn kellha rapporti sesswali miegħu u dan dejjem fuq xewqa tiegħu u li dawn ir-rappporti wkoll kienu jkunu karatterizzati bl-użu tal-forza, bl-att ikun deskritt mill-minuri bħala “selvaġġ.”

Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti tal-Appell Kriminali kkundannat l-aġir irreprensibbli tiegħu li abbuża minn persuna dgħajfa u minn uliedha, fejn mhux biss wettaq vjolenza fuq dawn il-persuni iżda wkoll attakka d-dinjità tagħhom bl-agħar mod possibbli. 

Il-Qorti qalet li l-piena ta’ 20 sena priġunerija hi waħda li tagħmel ġustizzja fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, meta wieħed jikkunsidra l-mod “makabru” li huwa kien uża fil-kummissjoni tar-reati li dwarhom instabet il-ħtija. 

“Dan għaliex il-piena trid tkun tali fejn il-persuna misjuba ħatja mhux biss twieġeb għall-aġir inkriminatorju minnha kommess, iżda li tara li tħares l-interessi mhux biss tal-vittmi, iżda wkoll tas-soċjetà inġenerali biex ma jkunx hemm repetizzjoni ta’ offiżi simili iktar u iktar meta bħal f’dan il-każ, dawn ikunu ġew perpetrati permezz ta’ perverżjonijiet marbuta mal-okkult,” żiedet tgħid il-Qorti.

Kien għalhekk li ċaħdet l-appell u kkonfermat is-sentenza appellata fl-intier tagħha. 

Sport