Il-Kenja qed tissielet mal-ewwel każi tal-Ebola, marda li pajjiżi ġirien, bħall-Uganda u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo, huma mdorrijin jittrattaw magħha. S’issa disa każijiet ġew ikkonfermati inkluż l-ewwel pazjent li vvjaġġa mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo li miet ġimagħtejn ilu.
Erba’ qraba tal-ewwel vittma, tliet ħaddiema tas-saħħa u persuna li tnaddaf fl-isptar issa ttestjaw pożittivi, li jfisser li kollha kemm huma kellhom kuntatt mal-vittma. Madankollu, l-awtoritajiet tas-saħħa qalu li t-tixrid tal-marda jinsab taħt kontroll.
Qed jiżdied it-tħassib fost in-nies li l-mikrobu tal-Ebola jista’ jibda jinfirex b’mod aktar wiesa, anke hekk kif il-gvern fittex li jassigura liċ-ċittadini.
L-Istati Uniti wissiet liċ-ċittadini tagħha kontra l-ivvjaġġar lejn il-Kenja, filwaqt li pajjiżi ġirien bħall-Uganda, l-Etjopja u s-Somalja huma wkoll fuq twissija.
Aktar minn 4,000 persuna mietu minn mindu l-Ebola ġiet ikkonfermata fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo f’Mejju li għadda u dan l-ammont jagħmel din it-tifqigħa t-tieni l-aktar waħda fatali ta’ din il-marda.
B’aktar minn 9,500 każ fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Kenja qed tiffaċċja riskju kontinwu li jaslu każijiet ġodda minn naħa għall-oħra tal-fruntieri, skont l-International Rescue Committee, li ilu jaħdem maż-żewġ gvernijiet biex irażżan it-tixrid tal-marda.
L-aħħar tifqigħa hija kkawżata mill-varjant tal-virus Bundibugyo, li huwa relattivament rari u li għalih m’hemmx vaċċin jew trattament approvat, għalkemm bħalissa għaddejjin provi kliniċi.
Ħafna Kenjani qajmu mistoqsijiet dwar kif l-ewwel pazjent seta’ jqatta’ żmien fir-reġjun l-aktar milqut mill-Ebola, u mbagħad jivvjaġġa lejn żewġ pajjiżi oħra qabel ma ġiet identifikata l-marda tiegħu. Huwa miet ftit jiem wara li wasal fil-Kenja.
Minħabba li l-pajjiż iservi bħala ċentru reġjonali tat-trasport, ir-riskju li t-tifqigħa tinfirex huwa ta’ tħassib u nkwiet kbir. Saħansitra, il-unjin tat-tobba fil-Kenja esprimiet tħassib dwar “nuqqasijiet” f’diversi punti tal-fruntiera, inklużi dawk mal-pajjiżi ġirien l-Uganda u t-Tanżanija, kif ukoll fl-ajruport ewlieni tal-Kenja.
Madankollu, it-Tlieta filgħaxija, id-Direttur Ġnerali tas-Saħħa, Patrick Amoth, ipprova jserraħ ras in-nies, billi qal li t-tmien pazjenti kienu qed juru titjib u jirrispondu tajjeb għat-trattament.
