Malta kompliet tagħmel progress kbir fit-tranżizzjoni lejn enerġija aktar nadifa, hekk kif fl-2025 is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli laħaq it-18.8% tal-konsum totali tal-enerġija tal-pajjiż, skont l-aħħar ċifri proviżorji ppubblikati mill-Eurostat.
Iċ-ċifri juru żieda ta’ 1.6 punti perċentwali fuq is-sena ta’ qabel, meta s-sehem tal-enerġija rinnovabbli f’Malta kien ta’ 17.2%. Din iż-żieda tikkonferma x-xejra pożittiva li qed twassal għal użu akbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli f’pajjiżna.
Mill-2012 ’il hawn, Malta rreġistrat żieda sostanzjali fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli, minn inqas minn 3% għal 18.8% fl-2025. Dan ifisser li f’dan il-perjodu, is-sehem tal-enerġija rinnovabbli żdied għal aktar minn sitt darbiet dak li kien kważi 14-il sena ilu.
Il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija, Miriam Dalli, laqgħet dawn iċ-ċifri u saħqet fuq l-importanza li jkompli għaddej l-investiment fl-enerġija rinnovabbli. Hija rrikonoxxiet ukoll il-kontribut tal-familji u n-negozji Maltin biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ pajjiżna fis-settur tal-enerġija.
“Minn inqas minn 3% fl-2012 għal kważi 19% illum, Malta għamlet progress sinifikanti fit-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli. Dawn iċ-ċifri jirriflettu ż-żieda fl-għadd ta’ familji li qed jipproduċu l-elettriku tagħhom minn sorsi aktar nodfa, aktar negozji li qed jinvestu f’teknoloġiji sostenibbli u pajjiż li qed ikompli jnaqqas id-dipendenza tiegħu fuq il-fossil fuels. L-impenn tagħna huwa li niżguraw li t-tranżizzjoni tal-enerġija ġġib magħha benefiċċji għan-nies. Dan ifisser li nagħmlu l-enerġija rinnovabbli aktar aċċessibbli u affordabbli, ngħinu lill-familji u lin-negozji jnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija tagħhom u nkomplu nsaħħu s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija f’pajjiżna,” qalet il-Ministru Dalli.
Bis-sehem ta’ 18.8%, Malta tinsab quddiem diversi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea, fosthom il-Belġju, li rreġistra 14.9%, is-Slovakkja b’16.3% u l-Irlanda b’17.2%. Dawn iċ-ċifri proviżorji juru l-progress li qed tagħmel Malta biex iżżid l-użu tal-enerġija rinnovabbli, minkejja l-limitazzjonijiet marbuta mad-daqs u l-ġeografija tal-pajjiż.
Dawn ir-riżultati jirrappreżentaw pass ieħor lejn il-mira nazzjonali li sas-sena 2030, is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum totali tal-enerġija f’Malta jilħaq il-25%. Billi wieħed minn kull ħames unit ta’ enerġija ġej minn sorsi rinnovabbli, Malta qed tkompli tavvanza lejn din il-mira.
Dan it-tkabbir jirrifletti l-impenn kontinwu tal-Gvern biex ikompli jippromwovi l-użu tal-enerġija rinnovabbli permezz ta’ inċentivi finanzjarji, skemi ta’ appoġġ u investimenti maħsuba biex iħaffu t-tranżizzjoni enerġetika tal-pajjiż. Dawn il-miżuri qed iħeġġu lill-familji, lin-negozji u lill-industriji jinvestu aktar f’teknoloġiji li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Dawn ukoll qed jikkontribwixxu għal aktar diversifikazzjoni fl-enerġija.
