Għaddejjin l-aħħar tħejjijiet għall-ewwel edizzjoni tal-Ħsejjes tax-Xelter, inizjattiva li se tiftaħ għall-pubbliku parti mix-xelter storiku tal-Isla nhar il-Ħadd 25 ta’ Ottubru, u li permezz tagħha l-istorja u l-memorji tat-Tieni Gwerra Dinjija se jingħataw ħajja permezz ta’ rikostruzzjonijiet storiċi, rakkonti personali u esperjenzi interattivi.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, flimkien mas-Sindku tal-Isla, Clive Pulis u d-Direttur għall-Istrateġija u l-Implimentazzjoni għall-Gvern Lokali Marisa Pisani.
Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li inizjattivi bħal dawn juru l-importanza li l-investiment tal-Gvern Lokali jissarraf f’benefiċċji konkreti għall-komunitajiet, filwaqt li jħares il-wirt storiku u kulturali tal-lokalitajiet tagħna. “Il-Gvern jibqa’ impenjat li jappoġġja lill-kunsilli lokali biex ikomplu jinvestu fil-komunitajiet tagħhom, mhux biss billi jtejbu l-ispazji u s-servizzi, iżda wkoll billi jipproteġu u jagħtu ħajja ġdida lill-wirt storiku li jagħmilhom uniċi.” Hija saħqet li permezz ta’ fondi mmirati u kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali, qed jinħolqu aktar opportunitajiet biex l-istorja u l-identità tal-lokalitajiet tagħna jibqgħu aċċessibbli għall-pubbliku u għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Is-Sindku tal-Isla, Clive Pulis, irringrazzja lill-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi għall-appoġġ u l-fondi allokati lill-Kunsill Lokali, li permezz tagħhom qed ikun possibbli li dan il-wirt storiku jingħata aktar viżibbiltà u jinfetaħ għall-pubbliku.
Matul il-ġurnata tal-Ħadd, il-pubbliku se jkun jista’ jattendi għal attività li se tagħti ħajja ġdida lill-istorja ta’ dak iż-żmien permezz ta’ rikostruzzjonijiet storiċi li juru kif kienet il-ħajja matul il-gwerra u l-esperjenza ta’ dawk li kienu jsibu kenn fix-xelter waqt il-bumbardamenti.
Parti importanti mill-attività se tkun iddedikata għall-memorji u r-rakkonti ta’ dawk li għexu l-esperjenza tal-gwerra. Residenti Sengleani se jaqsmu stejjer u tifkiriet marbuta mal-ħajja fix-xelter, fosthom permezz ta’ intervisti.
Dawn ir-rakkonti se joffru opportunità biex il-pubbliku jisma’ mill-qrib esperjenzi li għaddew minn ġenerazzjoni għal oħra u jifhem aħjar l-impatt tal-gwerra fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-komunità.
L-esperjenza se tkun imsaħħa wkoll permezz ta’ teknoloġija ta’ realtà virtwali (VR), li permezz tagħha l-viżitaturi se jkunu jistgħu jaraw filmati minn ġewwa x-xelter u jiskopru aktar dwar dan il-post minn perspettiva differenti. B’hekk, l-attività se tgħaqqad il-memorja storika ma’ mezzi ġodda ta’ interpretazzjoni u tagħlim, sabiex din l-istorja tkun tista’ tasal għand udjenzi ta’ kull età.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-Kunsill Lokali tal-Isla qed jagħmel l-ewwel pass lejn l-għan li dan il-wirt storiku jkun aktar aċċessibbli għar-residenti u għall-viżitaturi, filwaqt li jkompli jissaħħaħ l-għarfien dwar l-istorja tal-lokalità. L-ewwel edizzjoni tal-Ħsejjes tax-Xelter se toffri opportunità biex il-pubbliku jiskopri dan il-post storiku, jisma’ l-istejjer marbuta miegħu u jifhem aħjar l-esperjenzi ta’ dawk li sabu kenn fih matul wieħed mill-aktar perjodi diffiċli fl-istorja ta’ pajjiżna.
