L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-ambaxxaturi tal-pajjiżi Għarab u Iżlamiċi f’Malta

Aqra wkoll

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati ltaqa’ mal-ambaxxaturi tal-pajjiżi Għarab u Iżlamiċi akkreditati f’Malta, fosthom rappreżentanti mill-Palestina, it-Tuneżija, l-Eġittu, il-Libja, il-Lega Għarbija u t-Turkija. Il-laqgħa serviet bħala opportunità biex jiġu diskussi l-iżviluppi reġjonali fil-Lvant Nofsani, l-importanza tad-djalogu diplomatiku u l-possibbiltajiet biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni parlamentari bejn Malta u dawn il-pajjiżi.

Matul id-diskussjoni, l-ambaxxaturi esprimew it-tħassib tagħhom dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina, fil-Yemen, fl-Iran u fir-reġjun tal-Golf, filwaqt li enfasizzaw il-ħtieġa għal rispons internazzjonali aktar effettiv u azzjoni konkreta biex jinstabu soluzzjonijiet paċifiċi u ġusti. Ġiet enfasizzata wkoll l-importanza li l-komunità internazzjonali tmur lil hinn mid-dikjarazzjonijiet u tkompli taħdem biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed jaffettwaw ir-reġjun.

L-Ispeaker saħaq fuq ir-rwol tad-diplomazija parlamentari fil-bini ta’ relazzjonijiet aktar b’saħħithom bejn il-pajjiżi, b’mod partikolari fir-reġjun tal-Mediterran, li għandu jitqies bħala spazju li jgħaqqad lill-popli aktar milli jifridhom. Huwa enfasizza wkoll l-importanza tal-multilateraliżmu u tal-preżenza attiva ta’ Malta fil-fora internazzjonali sabiex ikomplu jissaħħu l-kredibbiltà u l-fiduċja bejn il-pajjiżi.

F’dan il-kuntest, ġew esplorati modi kif tiżdied il-kooperazzjoni bejn il-Parlament Malti u l-parlamenti tal-pajjiżi Għarab u Iżlamiċi, fosthom permezz tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, skambji ta’ fehmiet u gruppi ta’ ħbiberija parlamentari. Filwaqt li ġie enfasizzat li l-Parlament jista’ jikkontribwixxi permezz ta’ diskussjonijiet u inizjattivi ta’ solidarjetà.

Il-laqgħa ntemmet b’enfasi fuq il-ħtieġa li jinżammu kanali ta’ komunikazzjoni miftuħa u kuntatti regolari bejn Malta u l-pajjiżi Għarab u Iżlamiċi, bil-għan li jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali u tiġi promossa kooperazzjoni aktar effettiva favur il-paċi, l-istabbiltà u l-fehim reċiproku fir-reġjun tal-Mediterran u lil hinn minnu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport