Friday, November 15, 2024

Ikkonfermati l-ewwel żewġ każi tal-virus Marburg fil-Ghana

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ghana kkonfermat l-ewwel żewġ każijiet tagħha tal-virus fatali Marburg – marda infettiva fl-istess familja tal-virus li jikkawża l-Ebola. 

Intqal li ż-żewġ pazjenti mietu riċentament fl-isptar fir-reġjun tan-Nofsinhar ta’ Ashanti. Il-kampjuni tagħhom ġew pożittivi aktar kmieni matul dan ix-xahar u issa ġew ivverifikati minn laboratorju fis-Senegal. 

Uffiċjali tas-saħħa fin-nazzjon tal-Afrika tal-Punent qalu li 98 persuna issa jinsabu taħt kwarantina bħala każijiet ta’ kuntatti suspettati. 

Sa issa għadu ma jeżisti l-ebda trattament għall-virus Marburg – iżda t-tobba qalu li jekk wieħed jixrob ħafna ilma u jkunu trattati ċertu sintomi speċifiċi jiżdiedu ċ-ċansijiet li l-pazjent isalva.

Dan il-virus jiġi trażmess minn friefet il-lejl tal-frott u jinfirex bejn il-bnedmin permezz ta’ trażmissjni ta’ fluwidi tal-ġisem. Hi marda severa, ħafna drabi fatali b’sintomi li jinkludu uġigħ ta’ ras, deni u uġigħ fil-muskoli fost oħrajn. 

L-uffiċjali fil-pajjiż qed iwissu lin-nies biex iżommu ‘l bogħod mill-għerien u biex isajru sewwa l-prodotti tal-laħam qabel jikkunsmawhom. 

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) tgħid li l-Afrika, tifqigħat preċedenti u każijiet sporadiċi ġew irrappurtati fl-Angola, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Kenja, l-Afrika ta’ Isfel u l-Uganda. 

L-ewwel tifqigħa tal-virus kienet fil-Ġermanja fl-1967 fejn mietu seba’ persuni. 

Ekonomija

Sport