L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li t-tilqim kontra l-poljo għat-tfal fiċ-ċentru ta’ Gaża “qabeż il-mira” fl-ewwel jumejn mill-bidu tal-kampanja ta’ tilqim tagħha.
Dr Rik Peeperkorn, ir-rappreżentant tal-aġenzija tan-NU fit-territorji Palestinjani, qal li 161,030 tifel u tifla taħt l-10 snin tlaqqmu nhar il-Ħadd u t-Tnejn – aktar minn dak li kien maħsub (156,500).
Sadanittant, l-Iżrael u l-Ħamas qablu dwar sensiela ta’ pawżi lokalizzati fil-ġlied biex il-ħaddiema tas-saħħa jkunu jistgħu jamministraw il-vaċċini wara li kien ikkonfermat l-ewwel każ ta’ poljo f’Gaża f’25 sena, li ħalla tifel ta’ 10 xhur parzjalment paralizzat ix-xahar li għadda.
Dan il-waqfien mill-ġlied qed jidħol fis-seħħ bejn is-6.00 a.m. u t-3.00 p.m. (ħin lokali) fi tliet stadji separati fil-partijiet ċentrali, tan-Nofsinhar u tat-Tramuntana ta’ Gaża.
Dr Peeperkorn qal li dawn “il-pawżi kienu “sejrin tajjeb” sa issa.” Iżda qal li kien għad fadal minn “tal-inqas 10 ijiem” biex tintemm l-ewwel fażi tal-kampanja ta’ tilqim filwaqt li t-tieni fażi li fiha se jerġgħu jagħtu dan it-tilqim tibda erba’ ġimgħat oħra.
Huwa kompla jgħid li hu maħsub li xi tfal kienu qed jgħixu barra miż-żona miftiehma għall-pawżi fin-nofsinhar fejn qed ikomplu n-negozjati sabiex il-ħaddiema tas-saħħa jkunu jistgħu jilħquhom. L-għan huwa li jitlaqqmu total ta’ 640,000 tifel u tifla.
“Għandna bżonn inkopru minimu ta’ 90% ta’ dawn it-tfal biex inwaqqfu t-trażmissjoni f’Gaża u nevitaw it-tixrid tal-poljo, it-tixrid internazzjonali tal-poljo fil-pajjiżi tal-madwar,” qal Dr Peeperkorn.