L-Awtorità saħqet l-mistoqsijiet ma xxandrux minħabba “kontenut politiku li kien imur lil hinn mill-Covid-19”; l-Istitut tal-Ġurnalisti jisħaq li l-Awtorità “għadha trid tiltaqa’ mas-seklu 21”
Wara li l-Awtorità tax-Xandir ħabbret li hija ma kinitx se tirtira lura d-direttiva li tat lill-PBS biex ma jixxandrux il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti waqt il-konferenza tal-aħbarijiet fuq il-Covid-19 nhar it-Tnejn għadda, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin saħqet li l-Awtorità kienet qegħda “tippersisti li tagħti t-tort lill-ġurnalisti, minflok tammetti li għamlet żball fid-deċiżjonijiet tagħha.”
Kien waqt il-Konferenza Stampa ta’ nhar it-Tlieta li għadda, fejn id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci nedew miżuri ġodda tas-saħħa pubblika biex tiġi miġġielda l-firxa tal-Covid-19 f’pajjiżna, li l-istazzjon tax-xandir nazzjonali (PBS) saħaq li huwa ma setax ixandar il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti waqt l-imsemmija konferenza tal-aħbarijiet b’mod dirett “biex ikun konformi ma’ deċiżjoni b’direttiva tal-Awtorità tax-Xandir.”
Wara bosta kritika ħarxa fil-konfront tagħha, l-Awtorità saħqet li hija ħadet din id-deċiżjoni “biex nevitaw l-element politiku li seta’ jqum minn numru ta’ mistoqsijiet tal-ġurnalisti preżenti.”
L-Awtorità ħadet din id-deċiżjoni wara żewġ protesti li saru mill-Partit Nazzjonalista fis-16 u l-26 ta’ Ġunju li għadda. Dakinhar, il-PN ppreżenta protest ġudizzjarju biex jitlob li jqis r-risposta li kien ta l-Prim Ministru Robert Abela għal mistoqsija minn ġurnalist tan-Net News “b’lewn partiġġjan.”
“Fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha, l-Awtorita’ kkunsidrat li, filwaqt li l-konferenza stampa tal-Prim Ministru minnha nnifisha hija ta’ interess nazzjonali, u ma toħloqx żbilanċ imparzjali, il-kummenti politiċi li seħħew kienu riżultat ta’ mistoqsijiet mhix prevedibbli mill-ġurnalisti preżenti.. dan wassal għal żbilanċ ta’ imparzjalita.”
Fir-reazzjoni tagħha, l-IĠM kkritikat d-deċiżjoni “żbaljata” tal-Awtorità, u saħqet li l-Awtorità “għandha taġġorna ruħha mas-Seklu 21.”
“Huwa x-xogħol ta’ ġurnalist li jsaqsi mistoqsijiet. Dan huwa dritt fundamentali, magħruf bħala l-libertà tal-Espressjoni. Fl-istess ħin, huwa x-xogħol ta’ politiku li jwieġeb, u din tissejjaħ trasparenza u kontabbilita.”
“Minflok qiegħda tgħin lill-pubbliku, l-Awtorità ddeċidiet li tiċċensura lil dawk li qegħdin jitkellmu għall-pubbliku, lill-ġurnalisti u lix-xogħol tagħhom, iktar milli tikkastiga lill-politiċi milli jisfruttaw mument sensittiv biex jidħlu f’kontroversja politika. Apparti hekk, id-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir mhi imparzjali xejn, għaliex hija żbilanċjata favur l-iktar b’saħħithom.”
L-IĠM saħqet li bid-deċiżjoni tagħha, l-Awtorità għamlet “disservizz kbir lid-demokrazija, u lill-poplu Malti li l-Awtorità suppost isservi… Minflok tirrikonoxxi l-iżball li għamlet u tipprova temendah, l-Awtorita qegħda tippersisti u tagħti t-tort lill-ġurnalisti talli saqsew id-domandi.”