Monday, November 4, 2024

Ikompli l-każ dwar il-qtil f’Buġibba … Espert tal-Qorti jgħid li l-vittma kien fis-sakra

Aqra wkoll

Raġel li tilef ħajtu f’attakk f’bar ġewwa Buġibba nstab li kellu livell għoli ta’ alkoħol fid-demm. Xehed dan espert tal-Qorti hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra David Busuttil ta’ 59 sena, sid il-Munchies Bar f’Buġibba.

Busuttil jinsab akkużat bil-qtil ta’ Roger Dudley-Ward ta’ 60 sena, li miet wara li waqa’ fit-taraġ tal-bar wara argument mal-akkużat. Huwa qed jiġi akkużat li kkaġuna ġrieħi gravi, bit-tbagħbis tal-evidenza u li kiser il-paċi pubblika.

Id-Difiża aċċettat biex tinstema’ x-xhieda ta’ espert tal-Qorti minkejja li l-akkużat ma kienx preżenti wara li kellu jittieħed l-isptar b’ambulanza għax ilmenta b’uġigħ f’sidru. L-esperti mediku Dr Mario Scerri tela’ fuq il-pedana tax-xhieda u qal li fis-17 ta’ Ġunju ta’ din is-sena, huwa kien eżamina lill-vittma l-isptar. 

Dudley Ward kien f’kundizzjoni kritika, wara li sofra ksur fil-kranju kkawżat minn ‘blunt trauma’. Skont ix-xhud, il-vittma nstab li kellu livell ta’ alkoħol fid-demm ta’ 224mg/100ml, li jindika intossikazzjoni severa.

Il-każ ikompli. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ryan Vella megħjun mill-Avukat Abigail Caruana Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. 

Sport