Fir-raba’ kwart tas-sena li għaddiet, l-ammont ta’ vetturi liċenzjati żdied b’1,963 fuq il-kwart ta’ qabel.
Ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li sal-aħħar ta’ Diċembru 2021, it-total ta’ vetturi liċenzjati kien dak ta’ 413,019. Minn dawn 75.8% kienu vetturi tal-passiġġieri, 13.8% kienu vetturi kummerċjali u 9.3% kienu muturi, quadricycles u e-kick scooters. Dan filwaqt li karozzi tal-linja u minibuses kienu jammontaw għal inqas minn 1%.
L-NSO żied jgħid li matul ir-raba’ kwart tas-sena li għaddiet, l-ammont ta’ vetturi liċenzjati żdiedu b’medja ta’ 21 vettura aktar kuljum.
Sal-aħħar ta’ Diċembru 2021, kien hemm total ta’ 224,303 vetturi (59.2%) kellhom magni li jaħdmu bil-petrol filwaqt li 156,135 vettura (37.8%) kienu jaħdmu bid-dijżil. Kienu biss 1.6% il-vetturi li jaħdmu bl-elettriku jew li huma plug-in hybrid.