Aktar kmieni dalgħodu l-MUT Irċeviet komunikazzjoni mingħand ir-Rettur Fr Aaron Zahra fejn qal li lest jieħu passi bil-pulizija fil-konfront ta’ membri tal-istaff li qed jiktbu fuqu fil-paġni ta’ Facebook.
Intant, l-MUT ippubblikat l-istess messaġġ li bagħat ir-Rettur kif ukoll it-tweġiba min-naħa tal-MUT lill-istess Rettur.
Ftit tal-ħin ilu r-Rettur Fr. Aaron Zahra bagħat stqarrija fejn qal li l-MUT qiegħda tiddefendi għalliema li qed tgħajjar lir-rettur fuq Facebook.
Ir-Rettur tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir Fr Aaron Zahra spjega kif dalgħodu kiteb privatament lis-Sur Marco Bonnici wara li għalliema kitbet kumment diżgustanti fil-konfront tiegħu, liema kumment huwa qal li ma jagħmilx ġieħ lill-professjoni ta’ edukatur.
“L-MUT tidher li qed tiddefendi dan id-diskors diżpreġġattiv mill-edukaturi professjonisti membri tagħha. Minkejja li f’dawn l-aħħar jiem ir-Rettur kien suġġett għal bosta hate speech, huwa dejjem laqa’ kull kritika kostruttiva li ssir b’rispett kemm minn membri tal- istaff, kif ukoll minn oqsma oħrajn” qal Fr Zahra fi stqarrija li ħareġ ftit tal-ħin ilu.
Intant, ir-Rettur sostna li hu ser jibqa’ dejjem miftuħ għal djalogu mal-għalliema tal-Kulleġġ biex jispjegalhom it-triq ’il quddiem fl-interess tal-istudenti.