Sunday, October 27, 2024

Ikomplu l-kontroversji fuq l-intervista li kellha l-Prinċipessa Diana mal-BBC

Aqra wkoll

Kienu l-miljuni t-telespettaturi li aktar minn 25 sena ilu segwew l-intervista bombastika li kienet saret lil Diana mill-ġurnalist Martin Bashir. Fiha din l-intervista l-Prinċipessa tal-Qlub kienet qalitha ċara u tonda li żewġha, il-Prinċep Karlu tar-Renju Unit, kellu relazzjoni mal-maħbuba tiegħu, Camilla. Hawn Diana kienet waslet biex qalet ukoll li skont hija, żewġha m’għandux isir r-Re tar-Renju Unit.

X’wassal biex Diana tagħmel il-pass kuraġġjuż li tikxef u titkellem pubblikment dwar il-problemi serji li kellha bħala mart il-Prinċep Karlu, għadu mhux magħruf eżattament. Iżda, kienu hemm allegazzjonijiet li l-ġurnalist veteran tal-BBC, Martin Bashir, uża tattiċi diżonesti biex jipperswadiha. Bil-għan li jkunu magħrufa ċertu dettalji, imħallef issa ordna lill-istazzjon BBC biex jirrilaxxa eluf ta’ emails.

Diana kienet imwerwra jew irrabjata?

Fl-intervista li kellha tkun l-istorja tas-seklu, il-Prinċipessa Diana kienet tkellmet mal-ġurnalist dwar “iż-żwieġ iffollat” li kellha mal-Prinċep Karlu. Ġara però li ftit wara saru allegazzjonijiet li l-istess Bashir kien uża tattiċi diżonesti biex jikkonvinċi lil Diana għal din l-intervista.

Fir-rigward, fl-1996 il-BBC kienu ordnaw li ssir investigazzjoni interna però fiha ma rriżultax li Bashir kien ħati ta’ dawn l-allegazzjonijiet. Il-kap tal-kamra tal-aħbarijiet ta’ dak iż-żmien kien Tony Hall.

Il-kontroversji reġgħu bdew hekk kif ixxandar dokumentarju fl-2020, li fih Bashir deher jiffalsifika dokumenti tal-bank ħalli juri lil Diana li kien hemm membri tal-istaff tal-familja rjali Ingliża viċin tagħha, qegħdin jitħallsu biex jispjunaw fuqha. L-istess dokumentarju ta ħarsa lejn kif il-BBC mexa quddiem dan l-allegat skandlu.

Andy Webb, li dderieġa dokumentarju dwar din l-intervista famuża għal Channel 4, taħt il-kawsola tal-Libertà tal-Informazzjoni (Freedom of Information, FOI), talab biex il-kapijiet tal-BBC jirrilaxxaw emails li kienu bagħtu lil xulxin dwar il-ġurnalist tagħhom. Dawn l-emails saru fuq medda ta’ xahrejn lura fl-2020.

Min-naħa tagħhom, il-BBC kienu għaddew biss uħud minn dawn it-3,000 email lil Webb fejn ġabu l-iskuża li l-bqija tal-emails ma kienux meqjusa mill-korporazzjoni bħala “relevanti jew legalment privileġġati”.

Kien għalhekk li l-imħallef Brian Kennedy, b’id tal-azzar, wasal biex ordna lill-BBC jirrilaxxa “l-emails kollha mitluba”. Fis-sentenza tiegħu, l-imħallef Kennedy sostna li din il-korporazzjoni “kienet inkonsistenti, żbaljata u mhux ta’ min joqgħod fuqha”.

Fi tribunal li sar f’Settembru li għadda, Webb kien qal li l-BBC kienu qegħdin jaħbu ċerti dettalji dwar din l-intervista famuża. Kien għalhekk, li dan id-direttur laqa’ bi pjaċir id-deċiżjoni mill-imħallef Kennedy. Sadanittant, il-BBC ħarġu apoloġija għall-“iżball” li għamlu fil-mod kif esegwixxew it-talba tal-Libertà tal-Informazzjoni (FOI) magħmula minn Webb.

Sport