Saturday, April 18, 2026

IKTAR INVESTIMENT FIŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Aqra wkoll

F’Malta progressiva li qed tkompli miexja ’l quddiem, iż-żgħażagħ huma katalisti u se jkomplu jsibu pajjiż magħhom, partikolarment fil-vjaġġ edukattiv tagħhom. Kien proprju għalhekk li fil-Budget 2026, il-Gvern ħabbar żieda fl-istipendji ta’ 15%, investiment ta’ €6 miljun fil-bwiet taż-żgħażagħ.

Insemmu kif dan l-appoġġ imsaħħaħ huwa apparti dak tal-għotja sa €1,500 fuq tliet snin lill-ġenituri tal-istudenti li komplew jistudjaw wara s-sekondarja. Nemmnu li fl-edukazzjoni jrid jibqa’ jsir l-investiment biex b’hekk iż-żgħażagħ jieħdu l-aqwa opportunitajiet ekonomiċi li qed joħloq il-pajjiż. Mhux iżjed biex isibu xogħol imma biex jaqbdu karriera ta’ kwalità li trendi.

Il-Gvern qiegħed ikompli wkoll iħares lejn aktar proġetti li huma ta’ fejda u jikkonċernaw liż-żgħażagħ. Fost dawn insemmu l-proġett tal-iStudy Hub f’Għawdex. Investiment strateġiku li se jkun qiegħed joħloq ambjent modern għall-istudenti u r-riċerka, b’faċilitajiet li jattiraw kemm studenti Maltin kif ukoll barranin.

Barra minn hekk, il-Gvern qiegħed mhux biss jagħraf x’potenzjal għandhom kemm it-tfal kif ukoll iż-żgħażagħ imma jagħti widen għall-ħsibijiet u s-suġġerimenti tagħhom. U proprju għalhekk twaqqaf il-Youth Advisory Forum, li qiegħed jagħti vuċi akbar liż-żgħażagħ billi jingħataw iċ-ċans li jiddiskutu temi ta’ interess nazzjonali.

Madanakollu l-ħidma ma waqfitx hemm. Dan l-aħħar ukoll tħabbar it-twaqqif tal-Young Shapers Forum, li hija inizjattiva ġdida li se tkun qed tara tfal ta’ bejn 11 u 15-il sena jingħataw spazju fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) sabiex iressqu l-ideat u l-opinjonijiet tagħhom dwar bosta temi differenti.

Fil-fehma tagħna, il-ħolqien ta’ dan il-forum joffri opportunità unika lil dawn it-tfal biex jgħidu tagħhom dwar il-pajjiż li jixtiequ jaraw fil-futur u anke biex jitgħallmu kif jitħaddem id-djalogu soċjali. U dan se jkunu qed isir ukoll bl-għajnuna tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal. 

Nemmnu li dan kollu huwa necessarju biex noħolqu pajjiż fejn it-tfal u ż-żgħażagħ jibqgħu jkunu attivi u parteċipi, għaliex wara kollox, dak li jsir issa se jkunu qegħdin igawdu minnu l-ġenerazzjonijiet li ġejjin. L-istess qiegħed jiġri fil-proġetti ambjentali fejn il-Gvern qiegħed ukoll jikkonsulta mat-tfal u ż-żgħażagħ dwar x’jixtiequ li jsir f’dawn il-postijiet ta’ rikreazzjoni għalihom u għall-familji tagħhom. 

Ma nistgħux għalhekk ma nfaħħrux il-ħidma tal-Gvern f’dan il-qasam, u filwaqt li bla dubju għad baqa’ xi jsir, il-passi li qegħdin jittieħdu huma kuraġġużi, deċiżivi u fid-direzzjoni t-tajba favur soċjetà li tirrikonoxxi bil-fatti r-rwol ċentrali tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ dawk li għad iridu jiġu.  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport