Thursday, April 16, 2026

“Nemmen li l-għażla tal-eventwali Prim Imħallef trid issir f’ambjent kalm u seren”

- il-Prim Ministru jgħid li l-funzjonament tal-awli tal-Qrati għaddej bl-aktar mod normali

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela ddikjara li jemmen li l-għażla tal-eventwali Prim Imħallef trid issir f’ambjent kalm u seren. Sakemm isseħħ din l-għażla, hemm il-Prim Imħallef Mark Chetcuti li qed ikompli jmexxi l-Qrati tagħna. 

Meta mistoqsi minn dan is-sit, dwar is-sitwazzjoni marbuta mal-ħatra tal-Prim Imħallef, il-Prim Ministru stqarr li l-fatt li għandek il-funzjonament tal-Qrati tagħna b’mod mill-aktar normali, dan ma jagħti l-ebda għaġġla.

“Għandek sitwazzjoni fejn il-Prim Imħallef Mark Chetcuti qiegħed jokkupa l-kariga bis-saħħa tad-dispożizzjoni kostituzzjonali li daħħalna lura fl-2020. Sat-Tnejn li għadda stess, ta aġġornament kemm lili kif ukoll lill-Ministru Jonathan Attard waqt li kienu qed jinħatru żewġ Imħallfin ġodda. L-aġġornament kien fis-sens li hemm ħidma totalment normali tal-Qrati tagħna,” qal il-Prim Ministru filwaqt li nnota li llum għandna l-akbar korp tal-ġudikatura kemm għal dawk li huma Mħallfin kif ukoll Maġistrati. 

Dr Abela kompla jgħid li meta jkun hemm diskussjonijiet li jibqgħu għaddejjin, eventwalment jaslu għal dik il-ħatra. Fl-istess ħin huwa qal li jifhem ukoll it-temperament li kien hemm, anke mill-episodji passati. Dan anke fid-dawl li l-Oppożizzjoni ma kinitx qablet man-nomini li ressaq il-Gvern għal din il-kariga. Madanakollu, il-Prim Ministru tenna li l-funzjonament tal-awli tal-Qrati tagħna jinsab għaddej bl-aktar mod normali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport