Saturday, December 21, 2024

“Iktar minn qatt qabel inħaddnu l-prinċipju li aħna miftuħin għal kulħadd” – Il-PM Robert Abela

Aqra wkoll

“Aħna l-moviment miftuħ li kulħadd iħossu parti minn dan il-moviment. Familja lesta li tilqa’ ‘l kulħadd. Dan huwa s-sigriet tagħna biex nibqgħu miftuħin għal kulħadd.”

Fl-għeluq tal-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela spjega kif din tibqa’ d-distinzjoni prinċipali bejn l-akbar żewġ forzi politiċi f’pajjiżna.

“Dak li rajna fl-aħħar ġranet lili ħasadni. Ħasadni mhux għax tagħmel differenza min se jkun il-Kap tal-Oppożizzjoni. L-importanti hu li dik l-instabilità tibqa’ fl-Oppożizzjoni u ma tmissx mal-pajjiż. Il-problemi tagħhom isolvuhom huma… iżda la jaslu biex jagħmlu hekk man-nies tagħhom stess, aħsbu x’kapaċi jagġmlu jekk ikollhom il-poter f’idejhom.”

Il-Prim Ministru saħaq kif in-negattiviżmu politiku mill-Partit Nazzjonalista ma bediex illum. Fid-divorzju, Robert Abela fisser kif “esponenti ewlenin kienu ħadu pożizzjoni li ma ridux in-nies jitħallew jgħixu l-ħajja tagħhom. Riedu jgħixu huma imma ma ridux lil ħaddieħor jgħix fil-libertà.

Robert Abela sostna wkoll kif illium ninsabu f’sitwazzjoni fejn il-Partit fl-Oppożizzjoni jitkellem dwar il-partitarji tiegħu stess bħala l-ewwel u t-tielet kategorija. “Iħares f’għajnejhom u jara min hu tal-ewwel u min hu tat-tielet kategorija…Partit politiku li esponenti ewlenin tiegħu għax iħossu li ma jaqbilx magħhom, jgħidulu ħa ntellgħuk il-qorti. Dawn huma l-kwitjonijiet fundamentali li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi.”

Quddiem din is-sitwazzjoni, il-Prim Ministru għadda l-messaġġ li “rridu nibqgħu ffukati fil-ħidma tagħna. L-għaqda f’din il-familja wiesgħa u miftuħa. Hija dik l-għaqda li kkaratterizzatna fl-aħħar xhur…L-għaqda li għenitna biex ħriġna mill-ewwel mill-pandemija u fuq kif fuq livell ekonomiku aħna wkoll dixxiplinati u nafu x’qegħdin nagħmlu.”

Dan ikkonfermatu l-Kummissjoni Ewropea fejn bassret kif pajjiżna se jkun l-ewwel pajjiż fl-UE li se jirkupra mill-impatt ekonomiku. “Għaddejna minn xhur li wrejna kemm bħala moviment, bħala gvern ta’ stoffa. F’mument fejn il-pajjiż kellu bżonnha ingħaqadan flimkien u mxejna ‘l quddiem u ma ħallejna xejn jaqtgħalna qalbna.”

Robert Abela kompla billi qal kif id-DBRS wriet viżjoni ottimista għal pajjiżna. “Dawn huma l-affarijiet u sinjali ta’ pożittività li jagħmluk kburi.”

Il-Prim Ministru semma wkoll kif sa ftit tax’xhur ilu, kien hemm min iddubita d-deċiżjonijiet li ħa l-Gvern. “Kien hemm min irredikolana. Kont ngħid ġimgħa wara ġimgħa li kelli determinazzjoni li n-nies igawdu s-sajf. Kelmti magħkom żammejtha. Wasalna fejn ridna mhux b’kumbinazzjoni. Min ħa d-deċiżjonijiet imqar ftit ġranet tard, sal-lum għadhom ma rkuprawx. F’pajjiżna qed ngħixu f’normalità sħiħa… In-normalità qed ngħixuha llum, se ngħixuha għada u pit għada.”

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar is-suċċess li kellha Malta fin-negozjati għall-pakkett ta’ fondi Ewropej 2021 –  2027.

“In-numri ma kienu xejn sbieħ għal pajjiżna għaliex il-fondi jiddependu fuq kemm pajjiż sejjer ħażin. Iktar ma tkun sejjer ħażin aktar tieħu u allura s-suċċess ta’ pajjiżna kien l-aktar arma kontra tagħna. Iżda ma qtajniex qalbna.”

Robert Abela saħaq kif element ieħor li wassal għal suċċess f’dawn in-negozjati kienu l-bidliet importanti li għamlet Malta fis-saltna tad-dritt. Kriterju essenzjali li l-Kunsill Ewropew qies sabiex il-pajjiżi jingħataw fondi ewropej li kellhom bżonn. Dwan dan, il- Prim Ministru semma r-riformi li għamlet Malta abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja u r-reazzjoni tal-Oppożizzjoni dwarhom.

“Dawk il-bidliet biddilnihom f’liġi u poġġejnihom quddiem il-Parlament…Nhar l-Erbgħa li ġej dawn ir-riformi li għamilna approvati mill-Kummissjoni Venezja, dawn l-emendi qegħdin għal vot fil-Parlament. Sal-lum l-Oppożizzjoni qed turina li se tivvota kontra.”

Hawnekk il-Prim Ministru Robert Abela appella lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex ma jibqax jagħmel parti minn klikka ta’ persuni li l-għan tagħhom huwa li jkissru x-xogħol li għamel pajjiżna fl-aħħar xhur.

“Jekk inthom ħa tkunu parti minn dan it-tkissir, pajjiżna ma hu ħa jaħfrilkhom qatt.”

Dwar il-kwistjoni tar-rapport tal-Moneyval il-Prim Ministru assigura li pajjiżna ser jgħaddi minn dan it-test u li f’Ġunju li ġej ser ikun qed jiġi bir-riżultati konkreti.

“Il-Moneyval l-għeruq tal-problemi fih huwa dak li indikaw fl-2012. Aħna Gvern li għandu l-viżjoni ta’ kif isolvi l-problemi u għandna l-kuraġġ fuq kollox li problema ma nitfawiex taħt it-tapit. Qegħdin naħdmu bis-saħħa, b’viżjoni u b’direzzjoni, nafu fejn irridu naslu u r-riżultat se jkun qiegħed jitkellem waħdu.”

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni f’pajjiżna u kif dan il-Gvern huwa kommess li jwaqqaf dawn il-wasliet l-forzi politiċi kontrina biex indaħħlu kull dgħajsa li tidħol Malta.

“Ta’ kuljum għexieren ta’ dgħajjes jitilqu mil-Libja. L-ewwel destinazzjoni tagħhom Lampedusa u ftit aktar ‘l fuq pajjiżna. Insellem ukoll lill-Forzi Armati tagħna tal-ħidma tagħhom. Aħna kommessi li nwaqqfu dawn il-wasliet waqt li kontrina għandna forzi politiċi li jgħidulna li kull dgħajsa tidħol Malta.”

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar aktar preżenza ta’ Pulizija fl-aktar żoni milqutin mill-effetti tal-immigrazzjoni.

“Min jikser il-liġi u ma jħalliex lill-Maltin u l-Għawdxin jgħixu bi kwiethom se nkunu iebsin ħafna. Min indaħħlu ġewwa darna nistennew li jġib ruħu sew.”

Robert Abela aċċerta li dan il-Gvern se jibqa’ pożittiv li jġib il-bidla u jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn. “Aktar ma jkun hemm maltemp aktar nuru kemm aħna b’saħħitna…Dan kollu nistgħu nwettquh jekk nibqgħu onesti man-nies. F’dawn l-aħħar xhur f’dak kollu li għamilna u f’dak kollu li għidna konnha onesti man-nies. Din hija l-unika wegħda li nagħmel magħkhom li nibqa onest magħkhom. Fl-aħħar mill-aħħar jien magħkhom inħobb lil Għawdex u lil Malta u dħalt f’din il-kariga għaliex bħalkhom din l-imġabba tmexxini ‘il quddiem…Lil pajjiżek ma thobbux bil-kliem iżda tħobbu bil-fatti.”

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela temm b’messaġġ wieħed.

“Ejja nwarrbu fil-ġenb dak li jifridna. Dak huwa l-passat. Kien hemm żminijiet fejn għixna d-diffikultajiet u tgħallimna minnhom. Għalhekk nagħmel din is-sejħa. Ejja sabiex ningħaqdu flimkien, dik l-għaqda sabiha li kellna fl-aħħar xhur, dak huwa l-istess sentiment li fix-xhur li ġejjin għandu joħodna ‘l quddiem biex inkabbru l-ekonomija tagħna, inkomplu nsaħħu l-impjiegi ta’ pajjiżna, inkomplu noħolqu Malta aħjar, Għawdex aħjar, għada aħjar mil-lum, pit għada aħjar minn għada, għat-tfal tagħna, għall-familji tagħna, għall-ġenituri tagħna, għall-anzjani tagħna, għall-ħaddiema, għas-self-employed, żgħażagħ, studenti, għal dawk kollha li verament iħobbu lil Malta u Għawdex tagħna.

Ekonomija

Sport