Wednesday, December 25, 2024

Iktar miżuri rilaxxati mil-lum

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Mil-lum 7 ta’ Marzu, kuntatti primarji ta’ persuni pożittivi mhumiex se jkunu obbligati jagħmlu kwarantina jekk ikunu fil-pussess ta’ ċertifikat validu tal-vaċċin, filwaqt li l-kwarantina mandatorja tal-persuna pożittiva u tal-persuni li jgħixu fl-istess residenza se tinżel għal sebat ijiem, kemm-il darba dawn il-persuni jkunu fil-pussess ta’ ċertifikat validu tal-vaċċin u jagħmlu test li jirriżulta fin-negattiv.

Mil-lum ukoll se titneħħa l-kwarantina mandatorja ta’ kuntatti sekondarji li mhumiex ivvaċċinati, filwaqt li l-kwarantina ta’ kuntatti primarji li mhumiex ivvaċċinati se tinżel għal ħamest ijiem b’test negattiv fl-aħħar jum. 

Il-kwarantina marbuta mal-ivjaġġar minn pajjiżi tal-lista l-ħamra skura, mil-lum, se tonqos għal sebat ijiem b’test negattiv fl-aħħar jum. Barra minn hekk, fuq rakkomandazzjoni tal-Unjoni Ewropea, Malta se tibda tirrikonoxxi l-vaċċini approvati mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) anke jekk mhumiex approvati mill-EMA, bħat-tilqima tad-ditta Sinopharm u Covishield. Dan sakemm iċ-ċertifikat ikun rikonoxxut mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika u jiġi ppreżentat PCR test negattiv mal-wasla f’pajjiżna.

F’dak li jirrigwardja l-ħinijiet tal-ftuħ tar-ristoranti u l-barijiet, tħabbar li mil-lum dawn jistgħu jmorru lura għall-ħin tal-għeluq kif permess mil-liċenzja tal-istabbiliment. 

Ta’ min ifakkar ukoll li minn nhar it-Tnejn li ġej, 14 ta’ Marzu, se jitneħħa l-obbligu tal-użu tal-maskra fuq barra filwaqt li mill-Ħadd 10 ta’ April se jkunu permessi attivitajiet bilwieqfa.

Fil-każ t’attivitajiet fil-miftuħ mhuwiex se jkun obbligatorju li jiġi ppreżentat iċ-ċertifikat tal-vaċċin, filwaqt li għal attivitajiet fuq ġewwa ċ-ċertifikat tal-vaċċin se jkun mandatorju. Din il-miżura se tapplika ukoll għat-tiġijiet, li mill-1 t’April se jkunu permessi li jsiru bilwieqfa sa massimu ta’ 300 persuna.

Aqra iktar: “B’għaqal u deċiżjonijiet wassalna lil Malta biex issa ersaqna lejn in-normalità” – id-DPM

Ekonomija

Sport