Sunday, November 24, 2024

Iktar titjiriet jiġu kkanċellati minħabba l-Covid-19

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat komplew jiġu kkanċellati iktar titjiriet madwar id-dinja kollha minħabba żieda fil-każi ta’ Covid-19, xejra li kompliet mal-ġimgħa tal-Milied li kienet waħda diżastruża għal eluf ta’ passiġġieri. Matul il-jum tal-bieraħ iktar minn 1,400 titjira kellhom jiġu kkanċellati bid-distinazzjonijiet l-iktar affettwati jkunu dawk taċ-Ċina u l-Istati Uniti. Kumpaniji tal-ajru tal-Istati Uniti qalu li l-ikkanċellar tat-titjiriet qed iseħħu l-iktar minħabba li għadd ta’ membri tal-ekwipaġġ qed jittestjaw pożittiv jew inkella jinsabu f’iżolament. 

Fl-aħħar sigħat Hong Kong waqqaf it-titjiriet kollha minn u lejn il-Korea t’Isfel, miżura li se tibqa’ fis-seħħ għall-ġimagħtejn li ġejjin. Dan seħħ wara li ġew interċettati numru ta’ każijiet abbord titjira li wasslet mill-Korea t’Isfel. Matul il-festi tal-Milied, sewwasew minn nhar il-Ġimgħa, b’kollox kien hemm 8,000 titjira li ġew ikkanċellati. 

Intant f’aħbar separata, l-awtoritajiet tal-Istati Uniti qegħdin janalizzaw sitwazzjoni li żvolġiet abbord bastiment cruise liner fejn jidher li għadd ta’ passiġġieri ġew infettati bil-Covid-19. Dan il-bastiment ma tħalliex jidħol f’numru ta’ portijiet madwar il-Karibew. 

Dan kollu qiegħed iseħħ hekk kif in-numru ta’ każi ġodda madwar id-dinja qed kulma jmur jiżdied, ħaġa li qiegħda seħħ minħabba l-varjant Omicron. Minkejja li l-istudji li saru s’issa qed juru li l-Omicron huwa inqas b’saħħtu minn varjanti oħrajn, ix-xjentisti huma mħassbin ħafna minħabba n-numri kbar ta’ infezzjonijiet li qiegħed ikun hemm. 

Minn kemm ilha li bdiet il-pandemija, b’kollox tilfu ħajjithom kważi 5.4 miljun persuna, filwaqt li b’kollox s’issa kien hemm 280 miljun każ ikkonfermat. 

Sport