Sunday, November 24, 2024

“Ikun għaqli li jkomplu jkunu ssussidjati l-prezzijiet tal-enerġija”

Il-Prof. Philip von Brockdorff

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Professur Philip von Brockdorff, Viċi-Dekan tal-Fakultà tal-Ekonomija, Accountancy u Management, qal li jkun aktar għaqli li jkomplu jkunu ssussidjati l-prezzijiet tal-enerġija almenu sakemm jinsabu sorsi alternattivi u l-Unjoni Ewropea tiftiehem fuq strateġija komuni li minnha jibbenefika kull stat membru. 

Huwa stqarr dan f’kummenti li ta lil talk.mt fil-kuntest tad-diskors li għamel il-Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana fil-Parlament fejn ta rendikont tas-sitwazzjoni f’pajjiżna b’riżultat tal-gwerra fl-Ukrajna li kompliet toħloq impatt ekonomiku liema bħalu.

Il-Ministru Caruana qal li mingħajr is-sussidju tal-Gvern, wara l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna, l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja, magħruf bħala l-COLA, kien ilaħħaq bejn is-€16 u s-€17 fil-ġimgħa. Huwa qal ukoll li l-Gvern irid jagħmel dak kollu li hemm bżonn biex il-piżijiet li qed tpoġġi quddiemna l-gwerra jkompli jġorrhom hu.

Fil-kummenti tiegħu, il-Prof. Brockdorff qal li l-indici tal-prezzijiet bl-imnut telgħet għal ftit aktar minn 6 fil-mija f’Mejju. Qal li rridu niftakru però li f’pajjiżna s’issa l-prezzijiet tal-enerġija ma żdidux. 

“Jekk nieħdu l-medja taż-żidiet fil-prezzijet tal-enerġija fl-UE, ir-rata ta’ inflazzjoni f’pajjiżna żgur li tilħaq viċin 9 fil-mija. Għalhekk il-Ministru Caruana għandu raġun jgħid li l-COLA tista’ titla’ ferm aktar minn 8 euro kif kejjiltha jien ftit ilu fejn assumejt li l-prezzijiet tal-enerġija ma jogħlewx. 

“Malli ċċaqlaq il-prezzijiet tal-energija jogħla kollox u għalhekk, iva, il-COLA tista’ tlaħħaq għal 16-il ewro, ċifra għolja ħafa li titfa’ piż eċċessiv fuq in-negozji u kif ukoll fuq il-finanzi pubbliċi,” tenna l-Prof. Brockdorff.

Gvern bi kredenzjali soċjali

Sadanittant, fid-diskors tiegħu fil-Parlament, il-Ministru Clyde Caruana qal: “Tlabt ftit kalkoli min-nies li jaħdmu fil-Ministeru, li kieku ma jkollniex nissussidjaw ċ-ċereali, il-prezz tal-ħalb, il-fjuwils jew l-enerġija u nitfgħu dan kollu fuq il-poplu, x’kien ikun l-effett ta’ dan kollu. 

“Kieku m’aħniex nagħmlu li qed nagħmlu, il-COLA fuq l-employers minn tal-inqas kienet tilħaq bħalissa bejn €16 u €17 fil-ġimgħa. Immaġina l-employers għall-COLA biss kien ikollhom daqqa f’sena ta’ bejn €800 u €900, għal kull ħaddiem li jimpjegaw” qal il-Ministru Caruana. 

“Immaġina li kieku dan il-Gvern ma għamilx dak li qed jagħmel kemm kienu jogħlew aktar il-prezzijiet tal-affarijiet. Hawn joħroġ kemm dan huwa Gvern li l-ewwel u qabel kollox għandu kredenzjali soċjali. Barra minn hekk f’dak kollu li qed nagħmlu, qed ngħinu lil min iħaddem f’dan il-każ.

Huwa semma kif il-ġimgħa li għaddiet ħarġet statistika tal-Eurostat fejn intqal li l-inflazzjoni fl-Ewropa b’mod partikolari fil-pajjiżi Baltiċi qabżet l-20%. Qal li f’pajjiżna minkejja li żdiedet l-inflazzjoni xorta waħda għadha l-inqas fl-Ewropa.

“Irridu nassiguraw li l-ekonomija tagħna tkun robusta”

Il-Ministru Caruana kompla billi tenna l-konvinzjoni tiegħu li dak li qiegħed jagħmel bħalissa, irid jibqa’ jsir. “Dan mhux iż-żmien ta’ awsterità għall-poplu. Il-Gvern irid joqgħod bilgħaqal aktar minn qatt qabel dwar kif jonfoq flusu u dan rrdu nagħmluh b’konvinzjoni.

“Irridu nassiguraw li l-ekonomija tagħna tkun robusta. Li n-negozji tagħna jibqgħu għaddejjin. Li l-Gvern jilqa’ għal dan l-impatt,” temm jgħid il-Ministru Caruana li saħaq fuq il-ħtieġa li dan il-Gvern jiġbor it-taxxi mingħand kulħadd anke f’mumenti bħal dawn. 

Sport