Sunday, December 22, 2024

Ikundannat sentejn ħabs wara li kiser diversi kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti

Aqra wkoll

Marcellino Mamo ta’ 18-il sena ġie kundannat sentejn ħabs kif ukoll tilef il-flus depożitati biex kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq każi oħrajn wara li nstab ħati li kiser diversi kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti.

Il-Prosekuzzjoni li tmexxiet mill-Ispettur Warren Galea xehed fil-Qorti li b’digriet tal-Maġistat Astrid May Grima, l-akkużat ma setax ikun barra mill-10.00pm u 7.00am.

L-Ispettur Galea xehed li fit-12 ta’ Settembru li għadda għall-ħabta tas-1.15am kienu rċivew telefonata li fil-pjazza ta’ Buġibba kien hemm ġuvni liebes flokk aħmar u kien qiegħed jistieden in-nies għall-ġlied. Huma ġew mgħarrfin ukoll li f’idejh kellu sikkina.

Xehed li meta marru fuq il-post huma ma sabu xejn u għalhekk baqgħu jduru mal-inħawi xorta waħda ma sabu xejn. Iżda wara li waslu lura l-Għassa reġa’ daħal rapport ieħor u l-pulizija reġgħu marru fil-post indikat.

Huma raw lil ġuvni li kien jaqbel sew mad-deskrizzjoni li kienu taw il-persuni li daħlu r-rapport. Xehed li kif Mamo nduna bil-preżenza tal-pulizija hu telaq jiġri bil-pulizija tiġri warajh. Hu ġie ddentifikat mill-ewwel li hu Marcellino Mamo.

Kien l-Ispettur stess li ordna l-arrest tiegħu minħabba li kien jaf bil-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-qorti u f’dak il-ħin ma setax ikun barra.

Il-Qorti preseduta mill-Magistrat Dr. Yana Micallef Stafrace qalet li ma hemm l-ebda dubju li Mamo kiser diversi kundizzjonijiet imposti fuqu b’diversi digrieti. Kien għalhekk li kkundannat lil akkużat sentejn ħabs effettivi u anke ordnat li l-flus depożitati biex kien ingħata l-ħelsien mill-arrest f’każi separati jgħaddu għand il-Gvern ta’ Malta.

Ekonomija

Sport