Mill-bidu tas-sena d-dieħla, il-pensjonanti se jkunu qegħdin igawdu mill-11-il żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet. Fil-fatt, fil-Budget 2026 tħabbar li se tkun qed tingħata żieda ta’ €10 fil-ġimgħa fil-pensjoni lil 100,000 pensjonant tal-irtirar, tal-invalidità u romol, kif ukoll lil dawk li huma intitolati għal pensjoni tal-età.
Stqarr dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon meta l-Erbgħa filgħodu kien qed jindirizza taħdita edukattiva organizzata mill-Għaqda Pensjonanti tal-General Workers’ Union sabiex l-anzjani jkunu infurmati aktar dwar dak li ngħatalhom fil-budget.

Il-Ministru Falzon beda biex semma kif il-pensjonijiet se jibqgħu fiċ-ċentru tan-nefqa soċjali tal-Gvern. Huwa spjega li 7,000 armel jew armla se jieħdu żieda addizzjonali b’medja ta’ €3.50 fil-ġimgħa, b’hekk se jieħdu żieda ta’ €13.50 fil-ġimgħa.
Il-Ministru Falzon kompla jgħid li madwar 20,000 pensjonant, fosthom romol, se jaraw titjib fil-pensjoni bħala riżultat tal-aġġustament għal dawk imwielda qabel l-1962, li japplika għal dawk li d-Dħul Pensjonabbli Massimu tagħhom huwa ta’ €25,500 jew iżjed.

Ma’ dawn hemm ukoll iż-żieda ta’ €75 fl-għotja li titħallas lil anzjani li jgħixu fi djarhom jew mal-qraba u lil dawk li jħallsu minn buthom biex jgħixu fi djar tal-kura privati. L-għotja issa se tilħaq €425 għal dawk fl-età ta’ bejn 75 u 79 sena u €525 għal persuni fl-età ta’ 80 sena jew aktar.
Fost miżuri oħra li rrefera għalihom il-Ministru hemm iż-żieda ta’ bejn €2 u €14 fil-ġimgħa lil madwar 5,000 ruħ fil-pensjonijiet tal-miżżewġin li qed jirċievu pensjoni b’rati mnaqqsa għaliex il-konjuġi tagħhom qed jirċievu pensjoni u ż-żieda ta’ €50 bonus lil dawk li mhumiex eleġibbli li jirċievu pensjoni.
Wara li temm l-intervent tiegħu, il-Ministru Falzon wieġeb għal diversi mistoqsijiet li sarulu mill-anzjani preżenti b’mod partikolari dwar kif se jkunu milquta mill-miżuri l-ġodda.

