Ma nistgħux fil-jum tal-11 ta’ Settembru ma niftakrux fl-agħar attakki terroristiċi li qatt saru fl-istorja riċenti Amerikana bħal-lum 25 sena ilu. Attakki li ħallew warajhom ħerba u devastazzjoni sħiħa. Kienet traġedja umana li fiha nqatlu kważi 3,000 persuna innoċenti fil-ħtif ta’ erba’ ajruplani kummerċjali li tnejn minnhom ġew imġarrfa fuq it-Twin Towers ta’ New York.
Minkejja li diġà għaddew 25 sena minn dawn l-attakki, ħadd ma jista’ jinsa t-traġedja kbira ta’ dakinhar. Anzi m’għandna qatt ninsewha biex minna nisiltu t-tagħlima li aġir mistmerr daqstant m’għandu qatt jitħalla jiġi ripetut.
F’kull anniversarju nfakkru, għax hekk huwa ġust u xieraq, il-vittmi kollha tal-attakki fuq iż-żewġ torrijiet ta’ New York li fosthom kien hemm persuni ta’ dixxendenza Maltija, kif ukoll il-passiġġieri li kienu fuq l-ajruplani, il-ħaddiema tas-salvataġġ u pulizija li mietu fuq il-post fl-attentat tagħhom biex isalvaw kemm jistgħu nies li nqabdu f’dawn l-episodji.
Infakkru wkoll il-familji u l-qraba tal-vittmi li minkejja li għaddew dawn is-snin kollha għadhom jgħixu f’dulur kbir u għadhom qed jissieltu biex issir ġustizzja magħhom u mal-maħbubin tagħhom.
Fil-kuntest ta’ dan kollu, l-attakki tal-11 ta’ Settembru ta’ 25 sena ilu ma jistgħux jiġu meqjusa biss bħala traġedja Amerikana, imma wkoll traġedja umana li laqtet kullimkien. Traġedja li fundamentalment biddlet l-ordni dinji u fl-istess ħin ħolqot biżgħat li id it-terroriżmu tista’ tilħaq lil kulħadd.
Biżgħat li l-konsegwenzi tagħhom wasslu għall-gwerra fl-Afganistan, li damet għaddejja aktar minn 20 sena, bil-ħsieb ewlieni li jiġu meqruda ċelloli u ċrieki terroristiċi li allegatament kienu qed joperaw minn dak il-pajjiż. Ikkawżat ukoll il-gwerra fl-Iraq tal-2003 li sa dakinhar kien qed jingħad li, hux veru jew le, kellu ħażna ta’ armi tal-qerda tal-massa.
Il-gwerra tal-Iraq waħedha wasslet għal instabilità ekonomika, politika u soċjali dinjija u wkoll wasslet għal biex jinħolqu gruppi estremisti oħra fosthom l-Isis li kulħadd għadu jiftakar it-terrur li qanqlet f’pajjiżi oħra iżlamiċi u mhux.
Għalhekk, f’dan il-25 anniversarju mit-traġedja tal-11 ta’ Settembru 2001, l-umanità għandha tifhem aktar minn qatt qabel li l-ħtieġa għall-paċi dinjija qed issir dejjem iktar evidenti.
Għalhekk ukoll, il-komunità internazzjonali għandha, almenu għal darba, tqum qawma sew u ssemma leħinha u tirriafferma li l-kunflitti, il-gwerer u l-atti terroristiċi mhumiex soluzzjoni imma huma għodda għal iktar tbatija u qerda tal-innoċenti.

