Friday, May 3, 2024

Il-11 ta’ Settembru l-oħra

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Minkejja li ta’ kull sena, fil-11 ta’ Settembru, id-dinja tfakkar it-traġedja tat-Twin Towers, li issa għaddew 22 sena minn meta seħħet, f’din id-data wkoll kienet seħħet ġrajja oħra li din is-sena ingħatat kważi prijorità fuq dik tat-Twin Towers minħabba li għalqet 50 sena minn meta saret. Qegħdin nirreferu għall-kolp ta’ stat li kien seħħ ġewwa ċ-Ċili li fih kien miet il-President Ċilen Salvador Allende, li sa dak iż-żmien, fl-eqqel tal-Gwerra l-Bierda,  kien l-uniku politiku Komunista madwar id-dinja li kien irnexxielu jiġi elett demokratikament madwar tliet snin qabel seħħ il-Kolp ta’ Stat.

L-importanza tal-Kolp ta’ Stat Ċilen

Minkejja li f’dik il-ħabta, l-Amerika Latina, li minnha tagħmel parti ċ-Ċili, kienet magħrufa għall-kolpi tal-stat, dak li seħħ ġewwa Santiago, il-belt kapitali Ċilena, fil-11 ta’ Settembru 1973, daħal fl-istorja tal-politika internazzjonali minħabba li hemm diversi allegazzjonijiet, li issa qegħdin jiġu ssusstanzjati minn dokumenti li qegħdin jiġu ppubblikati mill-awtoritajiet Ċileni u Amerikani, li wara dan il-kolp ta’ stat mmexxi mill-armata Ċilena, taħt il-gwida ta’ Augosto Pinochet, kien hemm l-Istati Uniti.

Skont diversi dokumenti li gew imxandra dan l-aħħar, Henry Kissinger, li dik il-ħabta kien il-moħħ wara l-istrateġiji kollha li kellha l-Istati Uniti rigward il-politika internazzjonali, kien għamilha l-missjoni tiegħu li jeħles b’kull mod minn Allende, minħabba li huwa beża’ li dan kien sejjer ikun l-eżempju li fuqu diversi politiċi Komunisti kienu sejrin jirbħu b’mod demokratiku t-tmexxija ta’ pajjiżhom. 

Din il-biża’ ma kinetx ristretta biss għall-pajjiżi tal-istess Amerika Latina iżda wkoll għall-pajjiżi oħra bhall-Italja, fejn ix-xellug kellu ċ-ċans li jirbah it-tmexxija b’mod demokratiku. Fuq kollox, lil Kissinger kienet beda jbeżżgħu l-istil li bih beda jmexxi Allende. Dan għaliex dan beda jniedi programmi ta’ edukazzjoni b’xejn għaċ-Ċileni, beda jittrasferixxi kumpaniji kbar privati għal taħt idejn il-gvern u fuq kollox raħħas ħafna l-prezzijiet tal-prodotti essenzjali, affarijiet li bdew jagħmlu gvernijiet xellugin jidhru attraenti f’għajnejn il-ħaddiema u l-fqar.

Għall-ewwel, Kissinger, li dan l-aħħar kien fl-aħbarijiet minħabba li għalaq 100 sena, beda jaddotta strateġija li biha beda jiffinanzja gruppi ta’ kontra Allende li l-aktar li kienu b’saħħithom kienu fost is-sinjuri Ċileni. Fil-fatt, madwar xahar ilu, f’intervista li ta lill-ġurnal ibbażat ġewwa l-Istati Uniti, wieħed mill-kollaboraturi ewlenin li kellu Allende meta kien imexxi liċ-Ċili kien qal li kien assista għall-protesti jew xi strajks kontra l-gvern ta’ allende minn xi azjendi kbar bħal tax-xufiera tat-trakkijiet, fejn in-nies litteralment kellhom ‘kaxxi mimlijin bid-dollari Amerikani’. Kissinger u l-gvern Amerikan, li dak iż-żmien kien immexxi mill-President Richard Nixon, kien ukoll ra kif għamel u ffriża l-ekonomija taċ-Ċili permezz ta’ sanzjonijiet diretti kif ukoll indiretti. Dan wassal għal ħafna nuqqas ta’ prodotti essenzjali li eventwalment wasslu għall-protesti kbar madwar il-pajjiż.

Il-mewt ta’ Allende u tad-Demokrazija

Bl-iskuża li Allende u sħabu tal-kabinett ma kinux qegħdin jirnexxielhom iżommu l-paċi pubblika u li ma kinux qegħdin jipprovdu ħajja komda lill-poplu minħabba appuntu s-sanzjonijiet li semmejna, il-forzi armati Ċileni ddeċidew li fil-11 ta’ Settembru 1973 jagħtu ultimatum lill-Allende u lil sħabu sabiex dawn jirriżenjaw. Allende kien xettiku jekk il-forzi armati kinux qegħdin jibblafjaw jew le l-aktar minħabba li xi jiem qabel kien hemm attentat fjakk mill-armata sabiex tieħu taħt idejha xi ministeri, attentat li kważi spiċċa qabel ma beda.

Wara li kien skada l-ħin tal-ultimatum, il-forzi armati xorta ma attakkawx mill-ewwel lill-palazz presidenzjali bil-president u l-kabinett kollu ġewwa fih. Biss, wara li stazzjon televiżiv leali lejn il-president beda jagħmel appell lin-nies sabiex jinġabru fil-pjazza ta’ quddiem l-istess palazz presidenzjali sabiex ikunu ta’ tarka għal kull tip ta’ attakk, il-forzi armati ippanikjaw. Fuq ordni ta’ Augosto Pinochet u tat-tliet membri l-oħra tal-ġunta, il-forzi tal-ajru Ċileni attakkaw il-palazz presidenzjali permezz ta’ missilli sparati minn żewġ fighters li ċ-Ċili kien xtara mingħand l-Ingilterra ftit snin qabel.

Ritratt:Twitter/@JsnUnruheFan911

Inkredibilment, Allende sa ftit qabel beda l-attakk li semmejna kien għadu qiegħed jipprova jagħmel kuntatt telefoniku mal-istess Pinochet u kien instema jgħid li kien qiegħed jibża’ li kien ‘ġara’ xi ħaġa kerha lill-povru Augostu’. Mur għidlu li dan kien il-perċimes għall-waqgħa tiegħu. Saħansitra dan l-aħħar, stazzjon televiżiv Ċilen xandar rekording ta’ telefonata ta’ Pinochet li xi membri tal-armata fejn kien ta struzzjoni li dawn kellhom iwiegħdu lil Allende li jekk jirreżenja huwa kien sejjer jitħalla jitlaq lejn il-Messiku però bl-‘ajruplan kellu jieħu triq ‘l isfel sfurzata’. L-armata kienet fil-fatt offriet dan ‘l-eżilju’ lill-Allende u dan irrifjuta.

Wara l-attakk mill-ajru u wara diversi sigħat ta’ sparar bl-armi bejn dawk maqbuda fil-palazz u l-armata, bl-istess Allende jieħu sehem fl-isparar permezz ta’ machine gun li kien ġie mogħti lilu bħala rigal minn Fidel Castro, Allende ta struzzjoni sabiex il-kabinett iċedi u joħroġ mill-palazz. Però, il-president iddeċieda li jneħħi ħajtu b’idejh u spara għal rasu minflok li jiġi arrestat mill-ġunta. Ta’ min jgħid li dan l-aħħar, dan is-suwiċidju qiegħed jiġi kkontestat u qiegħed jingħad li Allende fil-fatt inqatel mill-armata.

B’hekk, ġewwa ċ-Ċili kienet ġiet fi tmiemha d-demokrazija u bdiet it-tmexxija ta’ Pinochet, tmexxija li damet għal 17-il sena. Matul dan il-perjodu, id-dinja bdiet tassisti għal numru ta’ arresti li jingħad li laħqu l-40,000, nies jiġu eziljati lejn il-Messiku u fuq kollox qtil u għajbien ta’ nies li jingħad li lahqu t-3,000. Fuq kollox, id-dinja kienet baqgħet ħalqha miftuh fuq kif l-Istati Uniti kienet għalqet għajnejha għall-aċċessi kollha ta’ Pinochet u ta’ dittaturi oħra li kienu ħadu t-tmexxija ta’ pajjiżi oħra fl-Amerika Latina, dittaturi li kienu ġew preferuti minn mexxejja xellugin eletti demokratikament. Dan kollu kien konsegwenza tal-Gwerra l-Bierda fejn il-priorità tal-gvern ta’ Washington kienet li jwaqqaf il-mixja tal-Komuniżmu internazzjonali.

Sport