Tħabbret id-data uffiċjali tal-budget 2024. Budget li hemm tant stennija għalih u li se jkollu rilevanza sostanzjali għall-pass li jmiss ta’ pajjiżna. Pass li jmiss fil-kuntest ta dak kollu li qed jiġri madwarna fuq livell kemm politiku, finanzjarju kif ukoll ekonomiku. Fil-kuntest tal-sfidi li d-dinja għadha qiegħda tesperjenza relatati mas-supply chain wara l-pandemija u anke l-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna li faqqa’ ftit żmien biss wara li ġiet kkontrollata l-pandemija fejn ħafna ħasbu li kien wasal iż-żmien biex ir-rota terġa’ tibda ddur bħal qabel il-virus. Fil-kuntest tal-inflazzjoni li għadha u se tibqa’ tipperssisti kemm fuq livell lokali kif ukoll internazzjonali. U fuq kollox, fil-kuntest ta’ dawk li huma l-aspirazzjonijiet u l-ambizzjonijiet ta’ pajjiżna. Iva, il-budget li jmiss għandu jagħtina stampa ċara ta’ fejn qegħdin u fuq kollox fejn irridu naslu.
Il-budget kif ġie definit nhar it-Tnejn li għadda mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, se jkun wieħed “espansjonarju”. Kelma wiesgħa u opportuna fil-kuntest tat-triq li pajjiżna jrid jimxi fis-sena li ġejja u fil-kuntest tat-tkabbir li qed jaspira għalih fis-snin li ġejjin. U biex il-gvern jimxi fuq din it-triq l-ekonomija tibqa’ primarja għax il-pajjiż għandu bżonn jikkonsolida n-niċeċ ekonomici fejn pajjiżna jeċċella kif ukoll jiddiversifika f’setturi ġodda li jistgħu jiġġeneraw nifs ġdid u jiġbed investiment barrani.
Però tkabbir eknomiku kif ukoll t-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji ekonomiċi u finanzjarji jiddependu minn fattur prinċipali – ir-riżorsa umana. In-numri pubblikati kemm mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) kif ukoll mill-JobsPlus jitkellmu ċar dwar l-sfida tal-kapital uman li pajjiżna qed jiffaċċja. Problema li ilha mnaqqxa fuqna u li llum għandha bżonn strateġija ċara li tindirizza mhux biss lil Malta t’għada imma wisq aktar, il-Malta tal-lum. Iva għax l-sfida tibda mill-prinċipju li pajjiżna għandu nuqqas kbir ta’ riżorsi lokali. Kif tenna tajjeb il-Prim Ministru, il-punt tat-tluq għandu jkun “il-ħaddiema tagħna, il-ħaddiema Maltin u Għawdxin. L-unika u l-aqwa riżorsa li għandu pajjiżna.” Kif tenna tajjeb ukoll l-istess Prim Ministru, il-punt tat-tluq ghandu jkun li ninvestu fil-ħiliet, fit-tagħlim u f’opportunitajiet ta’ re-skilling ukoll.
Nemmnu wkoll li barra re-skilling, għandu jkun hemm enfasi fuq up-skilling tal-ħaddiem Malti. Dan kollu huwa neċessarju jekk mhux indispensabbli biex pajjiżna jibqa’ jiżviluppa ekonomikament b’mod sostenibbli, Strateġija edukattiva li ma tistax tillimita ruħha biss għall-kliem imma li tiġi implimentata b’mod immedjat u b’mod konkret. Strategija li għandha bżonn l-involviment prinċipali tal-istituzzjonijiet edukattivi, tal-gvern kif ukoll tal-industrija. U filwaqt li l-immedjat huwa prijorità, irridu wkoll naraw strateġija edukattiva li tindirizza l-istudent tal-lum u ta’ għada lejn dak li għandha bżonn l-ekonomija Maltija.