Friday, November 22, 2024

“Il-baħar huwa parti mill-identità tagħna” – Alan Deidun

Aqra wkoll

Il-bijoloġista marittimu Alan Deidun u l-attivist ambjentalista Steve Zammit Lupi ġew mogħtija l-unur għall-kontribut tagħhom favur l-ambjent fl-ERA Awards li saru fil-Palazz Verdala, f’attività li saret taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha, is-Sinjura Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta. Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli.

Is-Sur Deidun rebaħ il-Buonamico Award għar-riċerka xjentifika tiegħu u għad-dedikazzjoni tiegħu għall-ħidma favur l-ambjent biex dejjem aktar iqajjem kuxjenza. Dan l-unur ġie msejjaħ hekk għall-ewwel ambjentalista Malti li kien kiteb dwar il-flora tal-gżejjer Maltin. Miegħu kien hemm ukoll is-Sur Zammit Lupi li wkoll irċieva rikonoxximent speċjali għall-ħidma tiegħu biex ukoll iqajjem kuxjenza favur l-ambjent, fosthom fil-lokalità tiegħu ta’ Ħaż-Żebbuġ, li tagħha huwa s-Sindku.

F’intervista ma’ Alan Deidun xtaqna li nieħdu l-ewwel kummenti wara li rċieva dan l-unur, li żgur ifisser ħafna għalih. Huwa qalilna li jinsab kuntent ħafna li ngħata dan ir-rikonoxximent, għalkemm dan iġib miegħu xi ftit tas-skumdità wkoll għax mhuwiex jaħdem waħdu, iżda tant hemm nies oħra li qed jaħdmu favur l-ambjent.

Spjega dwar il-fatt li huwa qed jidher ħafna għax juża wkoll il-midja soċjali biex iwassal il-ħidma tiegħu favur l-ambjent, iżda qal ukoll li “hemm nies oħra u entitiajiet oħra, anke f’entitajiet tal-Gvern bħalma huma l-ERA, li jagħmlu ħafna xogħol, u anke f’għaqdiet ambjentali, NGOs u anke individwi, għax hawn ħafna nies li jagħmlu affarijiet favur l-ambjent, fosthom hemm min imur bid-dgħajsa tiegħu u jiġbor il-plastik mill-baħar.”

Għalhekk is-Sur Deidun ma naqasx isemmi dan fit-taħdita tiegħu li għamel meta ħa dan l-unur speċjali,u semma lil kull min jaħdem fis-silenzju u li mhux dejjem jingħata rikonoxximent. Huwa sostna li għalkemm aħna forsi dejjem nisimgħu l-aktar fuq il-qerda tal-ambjent, iżda hemm ħafna affarijiet li nistgħu nsemmu li huma pożittivi fuq l-ambjent, affarijiet li qed isiru, u għalhekk jeħtieġ li jirrikonoxxu din il-ħidma favur l-ambjent.

Dan wassal għal appell minn Deidun biex “kull min għandu xi tip ta’ awtorità, pożizzjoni b’poter  jew għarfien, għandu jħoss ir-responsabbiltà li jaqsmu ma’ ħaddieħor u li nitgħallmu minn xulxin.” Fil-fatt huwa spjega li l-midja soċjali jużaha l-aktar biex jaqsam ma’ ħaddieħor l-għarfien li għandu hu dwar il-baħar, u anke jitgħallem minn nies oħra li l-baħar huwa l-mistier tagħhom, bħalma huma s-sajjieda għax kif qal hu “m’hemm xejn isbaħ milli naqsmu l-għarfien, u dak l-għarfien nużawh għal skopijet tajbin u tista’ tibqa’ titgħallem ħajtek kollha, inti min int, sew jekk int professur, u sew jekk m’intx gradwat.”

Meta staqsejnieh x’tinvolvi eżatt il-ħidma tiegħu, huwa qalilna li l-ħidma tiegħu tieħdu f’postijiet differenti u jiltaqa’ ma’ nies differenti. Qatt ma jkollu ġurnata bħall-oħra; huwa lettur l-Università u wkoll imexxi ħafna proġetti tal-Unjoni Ewropea fejn jidħol fl-element ta’ amministrazzjoni biex iġibu fondi mill-Unjoni Ewropea.

Fost il-ħidma tiegħu kontinwa huwa jirrappreżenta l-Università f’postijiet differenti ma’ universitajiet oħrajn, kemm barra minn Malta u anke fi gżiritna. Kultant ikollu jilbes il-kappell ta’ ambaxxatur ta’ Malta dwar l-oċean, fejn jgħin lill-Ministeru tal-ambjent u lill-Ministeru tal-affaraijiet barranin u jagħti pariri fejn jidħol il-qasam tiegħu, dak tal-baħar.

Tkellimna wkoll dwar jekk kienx hemm titjib fl-għarfien dwar il-baħar, u huwa jinsab ċert li sar titjib, speċjalment fil-kwsitjoni tal-plastik, fejn jgħid li saret biċċa xogħol tajba ħafna matul is-snin, u sar hawn aktar kuxjenza dwar il-plastik fil-baħar. Anke meta tinqabad ħuta li hija iżgħar mid-daqs normali, is-sajjieda saru jerġgħu jitfgħuha lura fil-baħar.

Spjega wkoll li hemm setturi li rridu naħdmu aktar fuqhom, eżempju li ma nwaddbux l-ankra fuq l-alka, għax kull meta jiġri hekk din tkun qed titqaċċat u tinqered. Huwa qalilna li “issa erġajna qed inħawlu l-alka f’qiegħ il-baħar, għax din ser tgħin minħabba t-tibdil fil-klima, biex iżżomm il-baħar nadif, ibejtu l-ħut fiha, u żżid l-ossiġnu fil-baħar għax l-alka qisha l-pulmun tal-baħar.”

Fl-aħħar messaġġ tiegħu Alan qalilna li l-baħar huwa parti mill-identità tagħna u aktar u aktar għandna nkunu konxji ta’ kemm għandna nibżgħu għalih. Malta ma tistax tmur ’il bogħod mill-baħar, u anke jekk persuna ma tħobbux, ma tistax taħarbu għax b’xi mod se jkun qed jinfluwenzak.

Huwa qabbel il-baħar mal-pulmun tagħna, għax il-baħar “huwa l-post li jagħmel lil Malta post li tista’ tgħix fih, speċjalment fl-istaġun tas-sajf bis-sħana li jkollna. Għalhekk jeħtieġ li jkun nadif għax aħna stess ser inkunu qed nużawh. Ġabna wkoll konxji dwar kif it-turiżmu jiddepenedi minnu wkoll, għax jiġu mijiet ta’ turisti li jfittxu l-baħar, u għalhekk jaqbel lilna li aħna kemm jista’ jkun nibżgħu għall-baħar, u dan mhux fis-sajf biss meta nagħmlu użu minnu, iżda matul is-sena kollha, għax fl-aħħar mill-aħħar hawn min jgħum is-sena kollha, u għalhekk kulħadd jeħtieġ jagħmel il-parti tiegħu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport