Fl-aħħar jiem il-Banda tal-Pulizija ta’ Malta kienet impenjata barra minn xtutna, kemm f’Ruma kif ukoll fl-Istat tal-Vatikan, b’kunċerti mtellgħin biex ifakkru numru ta’ anniversarji, fosthom il-mitejn u għaxar anniversarju mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija, il-mija u ħames snin mit-twaqqif tal-istess Banda, is-sittin anniversarju mir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u s-Santa Sede, kif ukoll għeluq it-88 sena tal-Qdusija Tiegħu il-Papa Franġisku.
Proprju l-ewwel impenn tal-Banda tal-Pulizija ta’ Malta kien imtella’ ġewwa l-Bażilika ta’ Sant Andrea della Valle f’Ruma, b’kunċert vokali u strumentali fl-okkażjoni tat-88 sena tal-Q.T. il-Papa Franġisku, nhar it-Tlieta 17 ta’ Diċembru. Dan il-kunċert sar bi sħubija mal-Banda tal-Korp tal-Ġendarmerija tal-Vatikan u l-Kor Polifoniku tal-Bażilika Papali San Paolo Fuori le Mura, u sar taħt il-Patronċinju tal-Kardinal Elemozinier l-Eminenza Reverenda Tiegħu l-Kardinal Konrad Krajewski u l-Prepostu Ġenerali tal-Ordni tal-Kjerici Regolari Patri Salvador Rodea Gonzalez, C.R.
Id-diretturi mużikali għal dan il-kunċert kienu l-Maestro Anthony Cassar (Surmast Direttur tal-Banda tal-Pulizija ta’ Malta), Maestro Stefano Iannilli (Surmast Direttur tal-Banda talĠendarmerija tal-Vatikan) u Maestro Christian Alejandro Almada (Surmast Direttur tal-Kor Polifoniku San Paolo Fuori Le Mura).
L-għada d-delegazzjoni mużikali tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta pparteċipat fl-Udjenza Ġenerali Papali ta’ nhar t’Erbgħa fis-Sala Paolo VI fl-Istat tal-Belt tal-Vatikan. Fost l-oħrajn, tul l-udjenza,
il-Banda tal-Pulizija ta’ Malta esegwixxiet għadd ta’ innijiet, fost oħrajn anke l-Happy Birthday lill-Papa Franġisku waqt li kien dieħel fl-awla tal-Udjenza.
Id-delegazzjoni Maltija rnexxielha wkoll titkellem mal-Kap tal-Kattoliċi u anke ħadet għadd ta’ ritratti miegħu.
Il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà, f’isem il-Korp tal-Pulizija, ppreżenta wkoll donazzjoni ta’ għaxart elef ewro lill-Q.T. il-Papa Franġisku b’risq klinika tal-fqar li l-Papa Franġisku jieħu ħsieb personalment. Din id-donazzjoni nġabret waqt avvenimenti li l-Banda tal-Korp għamlet matul din is-sena, kif ukoll mingħand membri tal-Banda tal-Pulizija stess.
Min-naħa tiegħu, il-Papa ppreżenta lill-Kummissarju f’isem il-Korp tal-Pulizija iz-zucchetto ffirmata minnu personalment.
It-tielet u l-aħħar impenn tal-Banda tal-Pulizija f’Ruma, kien kunċert ieħor li ttella’ nhar il-Ħamis 19 ta’ Diċembru 2024 fil-Bażilika ta’ Santa Maria in Traspontina. Dan il-kunċert kien jinkludi l-parteċipazzjoni ta’ diversi artisti Maltin, fosthom is-sopran Ruth Sammut Casingena, it-tenur Alan Sciberras, il-kantanti Mark Tonna, Kristy Spiteri, Neville Refalo, Nicole Hammett u David Joseph Sammut, kif ukoll il-vjolinista Dr Joseph Chetcuti, l-arpista Dr Lydia Buttigieg, l-organista Dr Chris Rolè u l-Pipe Band tal-Banda tal-Pulizija, immexxija mill-Pipe Major Stephan Mercieca. Apparti numru ta’ ambaxxaturi u persuni oħra distinti, għal dan l-avveniment attenda wkoll l-Kardinal Malti Mario Grech.
L-organizzazzjoni ta’ din iż-żjara prestiġġjuża kienet possibbli grazzi għall-għajnuna tal-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede l-E.T. Frank Zammit, filwaqt li l-Ambaxxatur Malti għall- Italja l-E.T. Daniel Azzopardi kien ukoll ta’ għajnuna fil-koordinazzjoni tal-aħħar kunċert ġewwa l-Bażilika ta’Santa Maria in Traspontina.
Din il-mawra tal-Banda tal-Korp barra l-pajjiż ma setgħetx tkun possibli mingħajr l-għajnuna finanzjarja tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Enemed.
Is-sena 2025 se timmarka s-60 anniversarju mir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u s-Santa Sede, u din l-esperjenza offriet opportunità biex titfakkar din il-milja storika, kif ukoll kienet
reklam għall-kultura u t-talent Malti.
Għal dawn l-avvenimenti kien hemm preżenti l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, flimkien ma’ membri distinti tal-Korp
Diplomatiku, għaqdiet u entitajiet polizjeski Taljani kif ukoll membri mill-komunità Maltija li tgħix fil-Lazio.
Il-poplu Malti se jkollu l-opportunità li wkoll isegwi dawn il-kunċerti li saru mill-Banda tal-Korp tal-Pulizija ġewwa Ruma, hekk kif dawn se jkunu qed jixxandru fuq l-istazzjon nazzjonali TVM+ nhar is-27 u 28 ta’ Diċembru għall-ħabta tad-9.00 p.m.