Sunday, December 22, 2024

Il-Bank Ċentrali jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku għax-xahar ta’ Lulju

Aqra wkoll

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju għal Ġunju jindika li t-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali rritorna għall-medja storika stmata minn Jannar 2000.

L‐Istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il‐Fiduċja juri li s‐sentiment ekonomiku f’Malta niżel f’Ġunju meta mqabbel ma’ xahar qabel, iżda xorta baqa’ ogħla mill‐medja storika tiegħu, li mkejla minn Novembru 2002. Meta mqabbel ma’ Mejju, is-sentiment iddeterjora b’ritmu b’saħħtu fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, u b’rata inqas qawwija, fost il-konsumaturi u fis-settur tal-kostruzzjoni. Dawn l-iżviluppi ġew parzjalment megħluba minn titjib fis-sentiment fl-industrija u fis-settur tas-servizzi.

Informazzjoni addizzjonali mill-istħarriġ turi li meta mqabblin ma’ Mejju, l-aspettattivi tal-prezzijiet battew fis-setturi kollha, speċjalment fl-industrija. Madankollu baqgħu f’livelli għoljin minn perspettiva storika.

L-Indikatur ta’ Inċertezza tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta naqas meta mqabbel ma’ Mejju u jindika tnaqqis fl-inċertezza. Dan kien xprunat minn żviluppi fis-servizzi u l-industrija, hekk kif żdiedet l-inċertezza f’setturi oħra.

F’Mejju, il-produzzjoni industrijali naqset f’termini annwali, għalkemm b’rata inqas mgħaġġla meta mqabbla ma’ April. Sadattant, il-volum tal-bejgħ bl-imnut żdied b’ritmu inqas mgħaġġel mix-xahar ta’ qabel.

Ir-rata tal-qgħad ma nbidlitx minn xahar qabel u kienet taħt ir-rata tas-sena l-oħra.

F’Ġunju, in-numru ta’ konvenji u kuntratti ta’ bejgħ naqas fuq sena ilu, filwaqt li l-permessi għal bini kummerċjali u residenzjali żdiedu f’Mejju meta mqabbla mal-livelli tagħhom ta’ sena ilu.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet 6.1% f’Ġunju, ftit aktar minn 5.8% fix-xahar ta’ qabel. L-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) telgħet ukoll għal 6.2% f’Ġunju minn 6.0% xahar qabel.

F’Mejju 2022, il-Fond Konsolidat irreġistra bilanċ pożittiv meta mqabbel ma’ defiċit sena qabel hekk kif id-dħul tal-Gvern żdied b’ritmu ħafna aktar mgħaġġel mill-infiq tal-Gvern.

It‐tkabbir fid‐depożiti ta’ residenti baqa’ b’saħħtu f’Mejju u żdied bir-rata annwali ta’ 11.1%.

Sadattant, it‐tkabbir annwali fil‐kreditu lir‐residenti f’Malta mmodera għal 6.8%. Sal-aħħar tax-xahar, taħt l-Iskema ta’ Garanzija relatata mal-COVID-19 tal-Bank Malti ta’ Żvilupp (MDB), kien hemm 628 faċilità approvati u li għadhom pendenti. Dawn jikkorrispondu għal ammont totali ta’ €486.6 miljun. F’Mejju ġew approvati tliet faċilitajiet ta’ self permezz tal-Iskema ġdida ta’ Self Issussidjat tal-MDB immirata lejn importaturi u bejjiegħa bl-ingrossa tal-qamħ u l-għalf tal-annimali, li jkopru self totali ssanzjonat ta’ €15.6 miljun.

Ekonomija

Sport