Friday, November 15, 2024

Il-Bank Malti għall-Iżvilupp b’żewġ skemi ta’ finanzjament li se jiffaċilitaw investiment ta’ €180 miljun

Aqra wkoll

Il-Bank Malti għall-Iżvilupp (MDB) nieda żewġ skemi ġodda ta’ finanzjament favorevoli li se jkunu qed jiffaċilitaw investiment ta’ €180 miljun fl-ekonomija Maltija.

Il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ dawn iż-żewġ skemi waqt il-ftuħ uffiċjali tal-binja l-ġdida tal-Bank Malti għall-Iżvilupp fil-Furjana. Dawn l-iskemi se jagħtu rati vantaġġjużi ta’ self immirat għan-negozji Maltin u spinta għar-riġenerazzjoni ekonomika. Fost l-oħrajn minn dawn l-iskemi se jgawdu negozji biex jagħmlu qalba lejn vetturi elettriċi u start-ups biex ikunu aktar innovattivi.

Fl-indirizz tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għall-ħidma sinifikanti li kellu l-Bank waqt il-perjodu tal-pandemija u ta kuntest tas-sitwazzjoni kurrenti u l-irwol tal-Bank fiż-żmien li ġej.

“Li kieku ma kellniex din l-istituzzjoni, ma konniex inkunu f’pożizzjoni li jkollna skemi ta’ garanziji għal self għan-negozji. Illum għandna kważi nofs biljun ewro f’self lil eluf ta’ kumpaniji mifruxa fuq bosta setturi, fosthom dawk l-aktar li kienu milquta mill-pandemija, jiġifieri lukandi u ristoranti,” qal Dr Abela.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif l-irwol tal-Bank kompla jwassal għall-irkupru b’saħħtu biex illum l-ekonomija Maltija hija akbar milli kienet qabel il-pandemija. Il-Prim Ministru saħaq fuq l-importanza li l-Bank ma jħarisx biss lejn il-kisbiet kbar li għamel fil-passat iżda jħares lejn il-futur. Hawn Dr Abela spjega kif l-iskemi mħabbra se jkomplu jimbuttaw id-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni ta’ pajjiżna.

F’dan il-kuntest Dr Abela qal li bħalma l-Bank għall-Iżvilupp daħal bis-saħħa biex ipproteġa lin-negozji, issa jrid jidħol bis-saħħa biex jixpruna l-ekonomija ta’ għada. “Għalhekk nilqa’ ż-żewġ skemi li bejniethom jiffaċilitaw investiment ta’ €180 miljun f’oqsma innovattivi. Dawn għandhom jipprovdu bażi soda għall-bidliet li hemm bżonn isiru fl-ekonomija tagħna u flimkien mal-Pjan għall-Irkupru u Reżiljenza se jixprunaw il-bidliet li huma kruċjali biex pajjiżna jibqa’ jesperjenza suċċess ekonomiku,” qal il-Prim Ministru Robert Abela.

Ekonomija

Sport