Friday, December 27, 2024

Il-Bank of Valletta jiltaqa’ mal-istudenti matul il-Campus Careers Expo

Aqra wkoll

Impjegati tal-Bank of Valletta ltaqgħu ma’ studenti Universitarji matul il-Careers Expo. Kienu tlett ijiem intensivi li matulhom ir-rappreżentanti tal-Bank tkellmu ma’ studenti li qed jaħsbu dwar xogħol fuq bażi part-time jew qed ifittxu ma’ min jibdew jaħdmu ladarba jispiċċaw l-istudji tagħhom. Il-Careers Expo tiġi mtella’ fil-qalba tal-Università ta’ Malta. Din tagħti lill-istudenti l-opportunità li jiltaqgħu ma’ rappreżentanti minn setturi differenti, bil-għan li jsiru jafu aktar dwar karrieri eżistenti f’setturi li jafu jkunu miġbuda lejhom.

Flimkien mat-tim tar-Riżorsi Umani tal-BOV, kien hemm kollegi minn funzjonijiet differenti tal-Bank, fosthom mill-fergħat u ċ-ċentri, mill-funzjoni tal-esperjenza tal-klijent u l-investimenti. Ray Debattista, responsabbli mir-Riżorsi Umani tal-Bank żar it-tim tal-BOV u tkellem ukoll mal-istudenti. “Id-dinja tas-servizzi finanzjarji evolviet b’rata mgħaġġla ħafna, speċjalment matul l-aħħar snin. Illum qegħdin nfittxu li nimpjegaw professjonisti bħalma huma inġiniera tad-dejta, esperti fis-CX u l-UX. Dawn huma speċjalisti f’oqsma li sa ftit snin ilu ma konniex nassoċċjawhom mas-settur finanzjaru. Il-Bank għandu wkoll timijiet legali, dawk li jħarsu lejn ir-Riskju u timijiet tal-Compliance. Aħna nfittxu speċjalisti f’dawn is-setturi biex insaħħu dawn il-funzjonijiet.” Huwa kompla jispjega kif il-Bank huwa xprunat mill-aspirazzjoni li jkun Employer of Choice. “Biżżejjed wieħed isemmi li f’Settembru li għadda, il-Bank nieda l-Iskema tal-Pensjoni Volontarja tax-Xogħol (VOPS), fejn il-Bank qiegħed iħallas l-istess ammont bħal kontribuzzjoni li jagħmel l-impjegat sa massimu ta’ €2,400 għal kull impjegat f’sena kalendarja partikolari. Illum il-ġurnata mhux talli qed infasslu qafas għall-immaniġjar tat-talent imma qegħdin ukoll dejjem intejbu l-benefiċċji u niffukaw fuq l-iżvilupp tal-impjegat u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.”

Christine Scerri, li tmexxi t-tim tar-reklutaġġ saħqet li l-Bank ifittex li jkun preżenti f’avvenimenti bħal dawn biex iqabbel dak li għandu x’joffri ma’ dak li qed ifittxu u jistgħu joffru kandidati prospettivi. “Il-Bank iħares lejn ir-riżorsi umani bħala assi importanti ferm, u kontributur ewlieni lejn servizz ta’ livell għoli għal klijenti tiegħu. Meta niltaqgħu ma’ kandidati prospettivi, aħna nfittxu nies li għandhom passjoni lejn is-servizz tal-klijent, huma attenti għad-dettall, u huma kompatibbli mal-kultura tagħna. Huwa għalhekk li nfittxu opportunitajiet bħal dawn, fejn nistgħu niddiskutu mal-istudenti u naqsmu l-esperjenzi tagħna magħhom.”

Studenti li qed jistudjaw għal kwalifikazzjoni ta’ livell 6 tal-MQF jew ogħla, u li huma interessati jsiru jafu aktar dwar l-opportunitajiet li noffru għal impjieg part-time fil-Program tal-Gradwati tagħna, jew għandhom xi mistoqsijiet dwar karrieri oħra mal-Bank of Valletta, huma mistiedna jkellmu t-tim tar-reklutaġġ tal-Bank, permezz tal-posta elettronika fuq [email protected] jew [email protected] rispettivament.

Ekonomija

Sport