Tuesday, March 26, 2024

Telgħet 56 darba l-Ingilterra għall-kura … Puttinu jfisser kollox għaliha

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Bosta huma dawk li jfaħħru x-xogħol u d-dedikazzjoni ta’ Puttinu Cares b’ħidma bla waqfien matul is-sena kollha. Għal Shezia, Puttinu kien ta’ għajnuna kbira mill-bidu ta’ ħajjitha hekk kif minn ta’ età żgħira telgħet għexieren ta’ drabi għal trattamenti ta’ kura fl-Ingilterra.

“Puttinu jfisser kollox għalija … għajnuna kbira, indispensabbli. Mingħajrhom ma kont nasal imkien,’’ tistqarr Shezia, filwaqt li żżid tgħid illi Puttinu m’għenx lilha biss iżda wkoll lill-familja tagħha. S’issa b’kollox telgħet 56 darba għall-kura.

Shezia appellat sabiex fil-Ġimgħa l-Kbira l-pubbliku jmur bi ħġaru l-Mixja ta’ Puttinu, li din is-sena qed timmarka t-18-il edizzjoni, sabiex il-fondi miġbura jkunu jistgħu jgħinu biex titkompla l-ħidma fuq il-binja ġdida li nxtrat f’Londra.

Il-Mixja se ssir fil-lejl ta’ bejn Ħamis ix-Xirka (6 ta’ April) u l-Ġimgħa l-Kbira (7 ta’ April). Din is-sena, il-parteċipanti se jitilqu mill-Pjazza tas-Santwarju fil-Mellieħa f’nofsillejl, jerħulha lejn ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, Pjazza tal-Mosta, ħdejn iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija, Wied ta’ Birkirkara, Wied tal-Imsida, max-Xatt ta’ Tal-Pietà u ssir il-waqfa fil-Furjana fuq il-Fosos.

Id-distanza hija ta’ madwar 17-il kilometru, u mistennija tieħu bejn wieħed u ieħor madwar ħames sigħat. Se tkun qed tinġabar donazzjoni ta’ €10 mill-postijiet tat-tluq. Sabiex wieħed jieħu sehem f’din l-attività ma jeħtieġx li jibbukkja minn qabel.

Ekonomija

Sport