Il-Bank of Valletta huwa r-rebbieħ tal-Kompetizzjoni tal-Workplace Health Initiative, fil-kategorija tal-kumpaniji kbar. Din il-kompetizzjoni ġiet organizzata matul Marzu 2020 mid-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard.
L-għan ta’ din l-inizjattiva kien li titqajjem kuxjenza dwar l-implikazzjonijiet tal-obeżità fir- rigward ta’ saħħa fuq il-post tax-xogħol. Il-Bank nieda kampanja bit-tema “Project Health @BOV” bbażata fuq informazzjoni, attivitajiet u nutrizzjoni, sabiex iħeġġeġ lill-impjegati jħaddnu stil ta’ ħajja attiva u aktar b’saħħitha.
Il-Project Health @BOV ipprovda informazzjoni lill-impjegati u lill-pubbliku ġenerali dwar x’ jikkawża l-obeżità u l-kundizzjonijiet li ġġib magħha. Il-kampanja ffukat ukoll fuq ħajja aktar b’saħħitha, dieta aħjar u l-benefiċċji ta’ għażliet sempliċi bħal aktar xorb ta’ ilma u l-użu tat-taraġ minflok il-lifts. Matul il-kampanja, il-Bank organizza sfidi u attivitajiet speċjali biex iħeġġu lill-impjegati jaddottaw stil ta’ ħajja aktar attiva u tajba għas-saħħa. Dawn kienu jvarjaw minn mixjiet qosra matul il-ħin tal-break, night treks, użu tat-taraġ, sessjonijiet ta’ ġiri, u klassijiet ta’ fitness ġewwa l-BOV Centre.
L-impjegati tal-BOV aċċettaw l-isfida li kuljum isegwu l-konsum tal-ilma tagħhom permezz ta’ e-chart, u fl-istess ħin jeliminaw xorb ieħor matul il-ħinijiet tax-xogħol. Dawk li jħobbu t-tisjir, qasmu r-riċetti ta’ ikel bnin, li ġew miġbura fi ktieb tar-riċetti elettroniku u li ġie mqassam mal-impjegati kollha. Il-gran-finale tal-Proġett Health @BOV kien ikkaratterizzat minn Fuel it Right Day meta l-fergħat u d-dipartimenti kollha tal-Bank ħejjew u qasmu kolazzjon magħmul minn ikel tajjeb għas-saħħa fuq il-post tax-xogħol tagħhom.
“Aħna kuntenti ħafna li rbaħna din il-kompetizzjoni, iżda kburin aktar li ħloqna ambjent tax-xogħol aktar b’saħħtu għall-kollegi tagħna, li pparteċipaw b’ħafna entużjażmu f’dan il-proġett,” qalet Marie Vella, waħda mill-organizzaturi tal-Project Health @BOV. “Nittamaw li permezz ta’ dawn l-inizjattivi u sfidi divertenti rnexxielna nispiraw lill-impjegati tagħna biex jinkorporaw għażliet tajba għas-saħħa fir-rutina ta’ kuljum.”
Dawn l-attivitajiet ittellgħu qabel il-COVID-19.