Saturday, May 18, 2024

Il-BCA ħarġet €9,000 f’multi b’rabta mat-tiġrif ta’ faċċata f’Raħal Ġdid

L-Awtorità wettqet ukoll rapport ġeoloġiku u sabet dikjarazzjoni żbaljata dwar il-formazzjoni tal-blat

Aqra wkoll

L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) ħarġet €9,000 f’multi amministrattivi wara t-tiġrif tal-faċċata ta’ Binja fi Triq l-Arkata f’Raħal ġdid. Il-każ imur lura għall-aħħar ta’ Jannar waqt li kien qiegħed isir xogħol ta’ twaqqigħ.

Ix-xogħol kien qed isir b’rabta mal-iżvilupp approvat PA/5573/22, permess maħruġ f’Mejju li għadda għal twaqqigħ ta’ garaxxijiet u residenzi biex minflokhom jinbnew garaxxijiet taħt l-art u l-appartamenti fuqhom.

L-approvazzjoni għax-xogħol ta’ skavar twaqqfet mill-awtorità hekk kif din talbet kjarifiki dwar il-mod kif se jsir ix-xogħol ta’ skavar kif sottomess mill-istess iżviluppatur. Dan wara li d-dokument iddikjara b’mod żbaljat il-formazzjoni tal-blat li jinsab fuqu s-sit. Dan hekk kif minn rapporti ġeoloġiċi li jsiru mill-BCA rriżulta li s-sit kien fuq formazzjoni ta’ blat inqas b’saħħitha minn dik indikata fid-dokumentazzjoni sottomessa.

Wara l-inċident, il-kunsill lokali ta’ Raħal Ġdid kien ikkonferma li ma kienx hemm applikazzjoni biex tingħalaq it-triq meta sar ix-xogħol u sussegwentament l-inċident.

F’kumment ma’ Talk.mt il-BCA kkonfermat li fl-istess ġurnata nħareġ avviż biex jitwaqqaf ix-xogħol, u li kienet qed tinvestiga għadd ta’ individwi li jistgħu jitqiesu responsabbli.

“Inħarġu multi amministrattivi li jammontaw għal €9,000 fil-konfront tal-individwi responsabbli identifikati skont l-Att tal-BCA waqt il-fażi tat-twaqqigħ, fosthom il-kuntratturi, l-uffiċjal tekniku tas-sit u s-site manager,” żiedet tikkonferma l-awtorità.

Sport