Wednesday, July 24, 2024

Strajk mit-tobba ‘junior’ fil-Korea t’Isfel

.... il-Gvern jhedded b'passi legali.

Aqra wkoll

Il-Gvern tal-Korea t’Isfel qed jhedded li jieħu azzjoni legali kontra eluf ta’ tobba apprendisti fosthom li jirrevoka l-liċenzji mediċi tagħhom jekk ma jerġgħux lura għax-xogħol immedjatament. Madwar tliet kwarti tat-tobba żgħar tal-pajjiż ħarġu fuq strajk matul il-ġimgħa li għaddiet, u kkawżaw tfixkil u dewmien fl-operazzjonijiet fi sptarijiet ewlenin.

It-tobba apprendisti qed jipprotestaw kontra l-pjanijiet tal-gvern li jdaħħal drastikament aktar studenti tal-mediċina fl-università kull sena, biex jiżdied in-numru ta ‘tobba fis-sistema tas-saħħa.

Il-Korea t’Isfel għandha waħda mill-inqas proporzjonijiet ta’ tobba tal-familja fost il-pajjiżi żviluppati, u b’popolazzjoni li qed tixjieħ, il-gvern qed iwissi li se jkun hemm nuqqas akut fi żmien għaxar snin.

Għalkemm is-salarji tat-tobba fil-Korea t’Isfel huma relattivament għoljin, tobba jargumenta li kumparat mas-sigħat li jaħdmu tabib ‘junior’ jista’ jispiċċa jaqla’ inqas mill-paga minima. Jargumentaw ukoll li l-kwistjonijiet strutturali fi ħdan is-sistema tal-kura tas-saħħa, mhux se jkunu rranġati anki jekk jiġu ngaġġati iktar tobba.

Il-kura tas-saħħa fil-Korea t’Isfel hija fil-biċċa l-kbira privatizzata iżda affordabbli. Il-prezzijiet ta’ emerġenza, kirurġiji li jsalvaw il-ħajja u kura speċjalizzata huma wisq baxxi, jgħidu t-tobba, filwaqt li trattamenti inqas essenzjali, bħal kirurġiji kosmetiċi, iħallsu iktar. Dan ifisser li t-tobba qed jagħżlu li jaħdmu f’oqsma b’aktar qligħ fl-ibliet il-kbar. 

Ryu, tabib żgħażugħ li ilu jaħdem għal sena, jgħid li t-trainee u t-tobba ‘junior’ qed jiġu sfruttati mill-isptarijiet universitarji. F’xi sptarijiet akbar, huma jiffurmaw aktar minn 40% tal-mediċi li jipprovdu xogħol kritiku fil-kura tas-saħħa.

Bħala riżultat, il-kapaċità ta’ kirurġija f’xi sptarijiet naqset bin-nofs matul il-ġimgħa li għaddiet. It-tfixkil kien fil-biċċa l-kbira limitat għal proċeduri ppjanati, li ġew posposti, bi ftit każijiet iżolati biss ta’ kura kritika jiġu affettwati. Il-Ġimgħa li għadda, mara anzjana li sofriet attakk tal-qalb mietet f’ambulanza wara li seba’ sptarijiet allegatament irrifjutaw li jikkuraha. Il-gvern qal li l-pazjenta inkwistjoni kellha kanċer terminali u l-mewt tagħha ma kinitx relatata mal-qalb.

Skont il-proposti tal-gvern, in-numru ta’ studenti tal-mediċina li se jidħlu fl-università s-sena d-dieħla se jitla’ minn 3,000 għal 5,000. Madankollu, it-tobba jargumentaw li t-taħriġ ta’ aktar tobba jnaqqas il-kwalità tal-kura, għax ikun ifisser li jingħataw liċenzji mediċi lil prattikanti inqas kompetenti.

Il-gvern u t-tobba issa jinsabu f’morsa intensa. Il-ministeru tas-saħħa rrifjuta li jaċċetta r-riżenji tat-tobba u minflok qed jhedded li jarrestahom talli kisru l-liġi medika u jekk ma jerġgħux lura l-isptarijiet immedjatament se jkollhom ukoll il-liċenzji sospiżi għal minimu ta’ tliet xhur.

Il-gvern qed jittama li t-theddida li jiġu penalizzati tkun biżżejjed biex iġiegħel lit-tobba jerġgħu lura għax-xogħol. Din it-theddida wasslet biex 300 mid-9,000 tabib li qed jistrajkjaw diġà rritornaw għax-xogħol.

Nhar il-Ħadd, l-Assoċjazzjoni Medika Koreana se tivvota dwar jekk tobba anzjani għandhomx jingħaqdu mat-tobba apprendisti f’din l-azzjoni. Iżda, jekk uħud mill-kollegi iżgħar tagħhom jiġu arrestati, ikunu aktar probabbli li jieħdu azzjoni.

Ekonomija

Sport