“U mhux hekk. Mela nagħlqu t-triq bla permess, nitfgħu kollox fit-triq, nirringrazzjaw l-Alla li ma weġġa’ ħadd, u dan apparti l-ħsarat. Sar rapport mal-Pulizija u l-Lesa u ittieħdet azzjoni minnufih.”
Dan iddikjarah is-Sindku ta’ Raħal il-Ġdid, Dominic Grima, wara li parti minn faċċata ta’ residenza li fiha kien qiegħed isir xogħol ta’ kostruzzjoni spiċċat f’nofs it-triq.
Għal xi ħin kien hemm xi kommossjoni fit-triq, bil-ħaddiema tal-kuntrattur bdew jiġbru l-materjal li waqa’ fit-triq.
Diversi residenti bdew jilmentaw dwar dak li ġara, fejn saħansitra ikkummentaw li dak li seħħ ġara ukoll il-ġurnata ta’ qabel. L-istess persuni saħansitra allegaw li l-kuntrattur kien għalaq it-triq biex ikun jista’ jwaqqa’. Kien allegat ukoll li ma kien hemm ebda Pulizija, LESA jew uffiċjali ta’ Transport Malta.
Minn naħa tiegħu s-sindku ta’ Raħal il-Ġdid, Dominic Grima ddikjara li sar rapport u ttieħdet azzjoni.
Intant l-Awtorità għall-Bini u tal-Kostruzzjoni kkonfermat li b’referenza għall-każ fl-imsemmija triq, aktar kmieni llum, ikkonfermat li stħarrġet minnufih il-Każ, immedjatament ħarġet stop work notice, u se tkun qiegħda tipproċedi fil-konfront tal-persuni involuti.