Monday, November 4, 2024

“Il-BCA u l-OHSA intervjenew minnufih … se nkomplu ninvestu biex jiżdied l-approċċ preventiv”

Il-Ministru Jonathan Attard b’rabta mal-inċident fil-Gżira

Aqra wkoll

“Jekk qed nistennew li mhux il-BCA biss imma kwalunkwe awtorità tkun fil-mument li jseħħ kwalunkwe forma ta’ inċident inkunu qegħdin nistennew iż-żejjed. Mill-banda l-oħra nifhem u dak huwa l-proċess ta’ riformi li seħħew fl-aħħar żmien u nassigura li se nkomplu għaddejjin b’dan il-proċess ta’ riformi li huma marbuta mal-leġiżlazzjoni jew regolamentazzjonijiet effettivi imma anke mal-investiment li qed isir biex ikun hemm ir-riżorsa umana neċessarja biex kemm jista’ jkun inkomplu ntejbu l-operat tal-awtoritajiet biex jiżdied dan l-approċċ preventiv”. Iddikjara dan il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard meta ftit biss ħin wara l-inċident fil-Gżira ġie mistoqsi mid-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg jekk jarax il-bżonn ta’ attitudni aktar proattiva mill-awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu.

Il-Ministru Attard ikkonferma li kif semma wkoll pubblikament, kemm l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u kif ukoll dik għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) marru minnufih fuq il-post tal-inċident.

Il-Ministru Attard kompla biex jispjega li l-BCA ħarġet minnufih notifika biex jitwaqqaf ix-xogħol ħlief dawk neċessarji biex setgħet tinżamm is-sigurtà fuq is-sit tal-inċident u fit-triq inkwistjoni. Skatta minnufih ukoll il-proċess tal-BCA fejn imblukkaw garanziji bankarji biex f’każ li jkun hemm claims minn terzji ’l quddiem iservu ta’ garanzija. L-istess awtorità se tkun qiegħda tagħmel l-istħarriġ tagħha biex tassigura li ma kienx hemm jew jekk kienx hemm ta’ ksur fil-method statement li jkun sottomess magħha biex f’dik l-eventwalità tkun tista’ tieħu l-passi meħtieġa.

“Madankollu ma jidhirx li kien hemm kwistjonijiet preċedenti b’rabta ma’ dan l-iżvilupp”, iċċara l-Ministru Attard.

Il-Ministru kompla biex jispjega li nħarġet ukoll ordni biex jitwaqqaf ix-xogħol mill-OHSA u għaddej l-istħarriġ neċessarju fejn mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li anke hawnhekk kienu ġew sottomessi d-dokumenti neċessarji.

Ikkonferma li ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident, iżda żied jgħid li mill-ewwel informazzjoni miġbura minnu sa ftit ħin wara l-inċident irriżulta li kien hemm ħaddiem fuq is-sit imma li ma kienx hemm dak il-ħin tal-inċident.

Sport