Saturday, December 21, 2024

IL-BDIEWA U R-RAĦĦALA JEĦTIEĠU PJAN B’SAĦĦTU GĦALL-FUTUR

Aqra wkoll

Aktar minn xahrejn mill-bidu ta’ dik li kienet imbassra li se tkun telfa ċerta għall-President Ukren u pajjiżu, kompliet tikber l-instabbilità minħabba nuqqas ta’ provvista ta’ materja prima li sussegwentament qiegħda twassal għal żidiet fil-prezzijiet li huma inkwetanti għal kulħadd. 

Minkejja li d-dinja kollha ġiet affettwata minn din l-invażjoni li jidher li se ttawwal sew, bil-President Russu jwissi kontinwament lil dawk li qed jikkunsidraw li jgħinu minn fuq barra u dak Ukren li jsostni li niesu se jibqgħu jiddefendu l-pajjiż sal-aħħar suldat, li ninkwetaw mhuwiex biżżejjed.

Irridu nammettu li aħna pajjiż żgħir. Kulma jmur l-art agrikola qiegħda tkompli titgerrem, iżda li nilmentaw mhuwiex biżżejjed. Kemm aħna grati għall-ħidma tal-bdiewa Maltin u Għawdxin li minkejja li ż-żmien għakkishom ġmielu għadek issibhom milwijin minn nofshom hemm ikabbru l-prodotti lokali? Kemm qegħdin ngħaddu mill-kliem għall-fatti meta nitkellmu dwar is-sostenn lir-raħħala tagħna li jipproduċulna ċ-ċanga u l-ħalib? Kemm qegħdin naprezzaw il-qawmien tagħhom fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, anke fi tmiem il-ġimgħa meta ħaddieħor ikun għadu lanqas daħal biex jistrieħ mill-postijiet ta’ divertiment? 

Nemmnu li ma tagħmilx sens li tilmenta dwar nuqqas ta’ prodotti lokali jekk meta ġġebbed idejk għal fuq l-ixkaffa, tagħżel li tiġbed il-prodotti li mhumiex prodotti f’pajjiżna. Dawn in-nies jaħdmu qatigħ is-sena kollha. Għalkemm l-istatistika turi li l-età medja ta’ dawn in-nies fl-ewropa hija waħda inkwetanti minħabba li kulma jmur qiegħda tkompli togħla, b’riskju li ma jkunux attirati aktar żagħżagħ lejn dan is-settur, għad hemm tama li l-affarijiet jitranġaw. Dejjem hemm tama. Imma biex dan iseħħ ma nistgħux nibqgħu nitilfu iżjed żmien.

Fl-aħħar ġimgħa l-ġirien tagħna t-Taljani ħabbru b’sodisfazzjon l-aħbar li bl-intervent tal-Kummissjoni Ewropea, f’Puglia se tiżdied l-art agrikola biex jinfurzaw l-ekonomija bi provvista maħduma fil-pajjiż stess. Mill-istaġun li jmiss, 100,000 ettaru ta’ art se jkunu allokati biex tiżdied b’aktar mid-doppju l-produzzjoni tal-qamħ. 

Fl-aħħar jiem kien hawn bosta reazzjonijiet għall-opinjoni tal-President tal-Għaqda Bdiewa Attivi Malcolm Borg li qal jemmen li Malta għandha żżid il-produzzjoni tagħha tal-qamħ, speċjalment fid-dawl tal-iskarsezza tal-qamħ minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.

Borg innota li qed jinħass tibdil fil-politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-biedja, fejn sa ftit ilu l-enfasi kienet fuq biedja organika u sostenibbli għall-ambjent, issa qed titkellem iktar dwar il-bżonn li tkabbar il-produzzjoni biex ma tibqax tiddependi fuq pajjiżi oħra. 

Nemmnu li kien hemm min tqarraq rigward kif kien kwotat Borg fejn kien hemm min ra biss il-fatt li  l-ħobża Maltija għandha tibda tinħadem b’qamħ Malti. Nemmnu li Borg huwa favur bidla lejn is-sewwa, iżda hemm numru ta’ punti li jeħtieġ jiġu kkunsidrati jew aħjar mixtarra sew.

Tajjeb li niftakru li f’pajjiżna ħafna mill-art agrikola qiegħda tiġbed l-interess ta’ diversi familji li qegħdin jagħżlu li jinvestu fi spazju rikreattiv. Barra minn hekk il-furnara stess wrew id-diżappunt rigward ċertu stqarrijiet mingħajr pjan. Dan hekk kif fi kliemhom il-qamħ prodott Malta mhuwiex tajjeb biex jinħdem il-ħobż minnu. Barra minn hekk, il-qamħ li jinżera’ f’pajjiżna huwa bżonnjuż biex jintuża bħala għalf għall-bhejjem tagħna stess. Dan ifisser li jekk se nieħdu minn xi mkien se nkunu qegħdin innaqqru minn settur ieħor ferm importanti għal pajjiżna. 

Nemmnu li f’dan ir-rigward jeħtieġ li l-awtoritajiet jieħdu pożizzjoni ċara u jagħtu dawl aħjar ta’ xi pjan hemm biex kemm il-bdiewa tagħna, kif ukoll ir-raħħala jkollhom viżjoni tat-triq ’il quddiem biex ikomplu jaħdmu biex jibqgħu jippruduċulna l-prodotti li sfortunatament apprezzajniehom bil-wisq aktar fi żmien il-pandemija.

Ekonomija

Sport