Saturday, November 23, 2024

Il-bdoti tal-ajru u l-Airmalta jerġgħu f’battibekk

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni tal-Piloti tal-Ajru (ALPA) u l-Airmalta reġgħu spiċċaw f’battibekk bejniethom dwar l-aħħar offerta li l-linja tal-ajru għamlet lill-bdoti tal-ajru.

Kienet l-Airmalta li ħarġet tgħid kif il-53 pilota li għadhom jaħdmu Malta irrifjutaw offerta li kieku għaddiet kienet tara d-69 piloti li tkeċċew jiddaħħlu lura anke jekk bi tnaqqis fil-pagi.

Skont il-kumpanija dan kien ifisser li l-piloti li għadhom magħha kienu se jirċievu tnaqqis ta’ 20% fis-salarju bażiku mentri d-69 li tkeċċew kien se jitnaqsilhom nofs il-paga.

Dejjem skont l-Airmalta il-bdoti kollha kienu se jaraw il-paga tiżdied b’90% f’April 2022 u l-paga kif kienet sa April 2023 waqt li d-69 bdot li tkeċċew riedu jċedu kemm l-iskema tal-irtirar li fil-preżent tara lill-bdoti jieħdu €800,000 malli jagħlqu l-55 sena kif ukoll dik tax-xufier.

L-Airmalta żiedet li hija kienet diżappuntata bil-vot tal-membri tal-ALPA li xejjen it-tentattiv tagħha li żżomm il-piloti kollha fl-impjieg meta l-industrija rat mad-90,000 bdot jitilfu xogħlhom minħabba l-pandemija.

Fir-reazjoni tagħha, l-ALPA bdiet biex għamlitha ċara li l-proposti tal-Airmalta kienu rifjutati minn 96% tal-bdoti li għadhom fl-impjieg mal-linja nazzjonali tal-ajru wara konsultazzjoni ma’ dawk li tkeċċew.

Hija akkużat lill-Airmalta li innegozzjat magħhom b’intenzjoni ħażina għax riedet li l-bdoti tal-ajru jitilfu drittijiet li għandhom kif ukoll li membri għolja fil-management tal-linja tal-ajru saħansitra insultawhom.

L-ALPA iddeskriviet l-aħħar proposti tal-Airmalta bħala diviżivi għax jiddiskriminaw bejn dawk li nżammu fl-impjieg u dawk li le waqt li semmiet kif hija kienet offriet li jitnaqsulhom 50% tal-paga anke jekk dan kien ifisser li l-piloti kienu se jispiċċaw jieħdu 70% inqas flus id-dar.

Il-bdoti tal-ajru żiedu jgħidu li mhux veru li l-proposti tal-Airmalta kienu se jassiguraw l-impjieg tagħhom u ikkritikat lill-Gvern għax waqt li għen negozji u ħaddiema milquta mill-Covid19 m’għamilx l-istess magħhom.

Sport