Tuesday, December 24, 2024

“Il-bejgħ qabad ritmu tajjeb ħafna”

Aqra wkoll

Abigail Mamo, Kap Eżekuttiv tal-SMEs, tgħid li l-aspettitivi moderati tan-negozji se jintlaħqu u possibbilment anke jingħelbu

Minn Carmen Cachia

F’dawn il-ġranet tal-festi kulħadd ikun bieżel jixtri r-rigali tal-Milied u n-negozji lokali, wara sena mmarkata bil-pandemija tal-Covid-19, huma bi ħġarhom biex iżidu fil-bejgħ tagħhom. Inewsmalta tkellem ma’ Abigail Mamo, Kap Eżekuttiv tal-SMEs, fejn qaltilna li din l-aħħar ġimgħa li bdiet hija żgur ġimgħa kruċjali u li l-bejgħ qabad rittmu tajjeb ħafna. 

“Jidher ċar li n-nies se jkunu qegħdin jiċċelebraw il-Milied b’mod differenti mis-soltu. Iżda xorta waħda se jkunu qegħdin jiċċelebrawh,” qalet b’sodisfazzjon Mamo. Din is-sena l-membri tagħhom fil-verità ma kienux qegħdin jistennew bejgħ straordinarju imma l-mod kif qegħdin jaraw l-affarijiet sejrin, qaltilna li l-aspettativi moderati se jintlaħqu u possibbilment anke jingħelbu.

Mamo qalet li x-xiri tar-rigali tħalla ftit għall-aħħar ġranet u dan wisq probabbli għall-mod kif ġiet il-ġimgħa fejn in-nies għandhom spazju jixtru bil-kumdità. Il-Kap Eżekuttiv tal-SMEs qalet li, “ġara bħas-snin ta’ qabel. Ħaġa tajba li rajniha anke f’din is-sena tant stramba. Il-Black Friday, kif ukoll il-festa tat-8 ta’ Diċembru speċjalment u l-weekends ta’ wara din id-data, urewna li l-bejgħ kien qiegħed jissaħħaħ”.

Aktar xiri ta’ prodotti lokali u ġesti ta’ karità

Mamo qalet li ħadu gost jinnotaw kemm hawn apprezzament ikbar għall-prodott lokali u li kulħadd qiegħed jagħmel sforz akbar biex jixtri mil-lokal. “Innotajna wkoll li fir-rutina tal-Milied kien hemm ħafna aktar ġesti ta’ karità  mis-soltu b’għotjiet u rigali lill-entitajiet li, bħal kulħadd, batew aktar din is-sena. Rajna fil-fatt li li kien hemm sforz kollettiv biex nagħtu support lill-komunità tagħna,” kompliet din il-Kap Eżekuttiv.

Min-naħa l-oħra hija semmiet li hemm ammont ta’ snack bars u wine bars li ma jistgħux iservu alkoħol minħabba l-liċenzja tagħhom, avolja dawn joperaw prattikament bħala ristoranti, għadhom qegħdin ibatu ħafna. “Dawn u l-ħwienet tax-xorb qegħdin jagħmlu sagrifiċċju kbir għalina kollha biex il-pandemija tibqa’ taħt kontroll. Setturi oħra li jiddependu minn avvenimenti u okkażjonijiet, ukoll qegħdin ibatu. Wieħed jispera li kemm jista’ jkun fil-qrib, din il-problema tissolva,” temmet Abigail Mamo.

Ekonomija

Sport